Il-Partit Nazzjonalista jiċċelebra u jfakkar il-Jum Dinji Favur il-Ħarsien tal-Annimali, li jkun iċċelebrat ta’ kull sena bħal-lum, l-4 ta’ Ottubru.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem kellu għal qalbu l-annimali, il-ħarsien tagħhom u dawk l-eluf ta’ persuni li minn qalbhom jgħinu f’din il-missjoni. Kien ukoll l-ewwel partit fil-gvern li ħoloq sptar għall-annimali li kien jopera 24 siegħa kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa, iżda li llum ilu magħluq aktar minn sena, bis-servizzi kollha li kienu jingħataw minnu, uħud ukoll uniċi f’pajjiżna, weqfin għalkollox. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel pressjoni fuq il-Gvern Laburista biex jieħu r-responsabbiltà ta’ din in-negliġenza u fl-immedjat jirrimedja għal dan.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien ħoloq ukoll id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, fejn kienu ingaġġati għall-ewwel darba uffiċjali fi rwoli differenti biex l-annimali midruba fit-toroq ikunu salvati b’ambulanzi, kif ukoll bdew isiru spezzjonijiet regolari kontra moħqrija fuq l-annimali. Dan juri wkoll l-ispinta kbira li Gvern Nazzjonalista kien ta biex jinħolqu karrieri ġodda ta’ professjonisti fejn jidħlu l-annimali u l-ħarsien tagħhom.
Anke mill-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-vuċi ewlenija tal-annimali u kull min għandu għal qalbu lill-annimali. Sal-lum stess, tressqet Mozzjoni quddiem il-Parlament b’serje ta’ emendi ssuġġeriti fl-Avviż Legali propost fix-xhur tas-sajf dwar akkomodazzjonijiet għall-klieb u l-qtates, bir-rekwiżiti li għandhom jintalbu u jkunu rispettati biex wieħed ikun jista’ joffri dan is-servizz temporanju waqt li l-annimali jkunu trattati bl-aħjar mod possibbli.
Barra minn hekk, fil-ġimgħat li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jdaħħal serje ta’ Mozzjonijiet b’emendi differenti għal Avviżi Legali varji, fejn l-ewwel prijorità tibqa’ lejn l-annimali kollha biex jgħixu ħajja dinjituża.
Janice Abela Chetcuti – Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Ħarsien tal-Annimali
//= $special ?>