L-2024 hija sena partikolari fid-dinja tal-opra. Hija l-ewwel sena minn meta l-kant liriku kiseb il-marka prestiġjuża bħala Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO. Imma hija wkoll il-100 sena mill-mewt ta’ wieħed mill-akbar kompożituri tal-opra – Giacomo Puccini. Biex jimmarka dan iċ-ċentinarju, it-Teatru tal-Opra Aurora ħaseb li jipproduċi repertorju Puċċinjan li għadu qatt ma deher fil-gżejjer Maltin. Għaldaqstant, din is-sena sejrin naraw Il Trittico – tliet opri li l-kompożitur innifsu kitibhom biex jidhru flimkien f’lejla waħda – Il Tabarro, Suor Angelica u Gianni Schicchi.
Bħala produzzjoni u loġistika din hija sfida enormi. Biżżejjed ngħidu li Il Tabarro u Gianni Schicchi dehru f’Malta bejn l-1924 u l-1928 u qatt aktar. Din filfatt se tkun l-ewwel darba fl-istorja li dawn it-tliet opri se jidhru flimkien fil-Gżejjer Maltin, kif xtaqhom il-kompożitur innifsu.
Għal sena oħra, it-tmexxija tat-Teatru Aurora qed tagħmel minn kollox biex din il-produzzjoni tagħmel aċċent partikolari fil-kalendarju kulturali tal-gżejjer Maltin. L-Aurora qiegħed għal sena oħra jikkollabora ma’ Luke Azzopardi u Riccardo Buscarini, din is-sena wkoll bis-sehem tad-disinjatur tax-xeni Mike Zerafa. Il Trittico 2024 għandha tkun is-serata fejn is-soċjetà Maltija tal-arti għandha ssib ruħha. U kif qed jiġu ċċelebrati l-100 sena mill-mewt ta’ Puccini, din il-produzzjoni se tkun qed tiċċelebra preċiżament is-sena 1924 b’lingwa estetika distintiva.
Fuq il-lat mużikali, Colin Attard se jidderieġi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta flimkien mal-kor tat-teatru u kast internazzjonali li, skont kif jirrikjedu t-tliet opri, se jkun l-akbar kast operistiku li qatt kellna fl-istorja. Uħud mill-ismijiet l-aktar rinomati jinkludu lis-soprani Renata Vari u Laura Esposito, it-tenur Vitaliy Kovalchuk u l-baritonu Armando Pina Lopez. Il-kast ta’ din is-sena jinkludi wkoll lista aktar aċċentwata ta’ artisti Maltin. Fuq quddiem, Graziella DeBattista, Claire Ghigo, Vanessa Magro, Francesca Aquilina, Nadia Vella u Louis Andrew Cassar. U dan bl-ebda mod ma jagħmel il-kast komplut għax ikun jonqos ismijiet bħal Federico Buttazzo, Francesco Napoleoni, Angelo Sapienza, Andrea Carcassi u Marco Guarini apparti kantanti li din is-sena mil-livell tal-kor telgħu biex jidhru fi rwoli ta’ solisti importanti kif jitolbu l-ispartiti ta’ Suor Angelica u Gianni Schicchi.
Bħala opri ta’ mħabba u telfien, Il Trittico tippreżenta minn kollox – minn drama u traġedji sa kummiedja u farsa. It-tema rikorrenti hija n-nasba, hekk kif Il Tabarro turina mara minsuba fi żwieġ li trid taħrab minnu, Suor Angelica hija minsuba f’ħajja monastika li għaliha ma kellha ebda vokazzjoni waqt li l-familja ta’ Gianni Schicchi tonsob lilha nnifisha f’gidba li ma tistax toħroġ minnha.
//= $special ?>