Lokali

“Insaħħu l-vuċi tal-gżejjer fl-Ewropa biex inrażżnu l-għoli tal-prezzijiet f’Malta” – PN

L-MEP Peter Agius u x-Shadow Minister Mark Anthony Sammut jiltaqgħu mal-Għaqda Maltija tal-Operaturi tat-Trailers u t-Trakkijiet

Malta gżira u se naħdmu biex l-Ewropa tifhem il-bżonnijiet speċifiċi tagħna ħalli ma nkomplux inżidu piż inġust fuq il-familji Maltin u Għawdxin. Irridu nsaħħu l-vuċi tal-gżejjer fl-Ewropa biex inrażżnu l-għoli tal-prezzijiet f’Malta. Hekk ukoll għandu jagħmel il-Gvern.

Dan kien il-messaġġ li wasslu l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u x-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà Mark Anthony Sammut, f’laqgħa mal-Għaqda Maltija tal-Operaturi tat-Trailers u t-Trakkijiet (ATTO). L-Association of Tractor and Trailer Operators tirrappreżenta l-maġġoranza tal-operaturi f’din l-industrija, u tassigura t-trasport ta’ prodotti tal-ikel u prodotti oħrajn li jkunu kkunsmati fil-Gżejjer Maltin.

Il-kelliema insistew li l-appoġġ lejn l-operaturi tat-trasport hu prijorità għall-Partit Nazzjonalista. Hu essenzjali li dawn l-operaturi ma jkollhomx piżijiet żejda fuq l-operat tagħhom għax dawn il-piżijiet finalment jirriżultaw f’żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur. Għalhekk, irridu naraw li dan is-settur iżomm il-kompetittività tiegħu u ma jiġix mgħobbi b’liġijiet u piżijiet żejda.

L-ATTO kienet rappreżentata minn numru ta’ operaturi, membri u mill-President Joseph Bugeja, li spjega kif fl-aħħar xhur, l-għaqda kienet attiva fi Brussell biex tara li l-liġijiet Ewropej il-ġodda jinkludu miżuri li jgħinu lil-Gżejjer Maltin. L-ATTO kompliet issaħħaħ il-ħidma tagħha b’koperazzjoni ma’ għaqdiet Ewropej oħrajn, fosthom mill-Irlanda u Ċipru, biex flimkien jitressqu l-bżonnijiet tal-gżejjer b’mod aktar konkret fuq livell Ewropew.

Anke fil-Parlament Ewropew, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħti l-appoġġ kollu tiegħu biex l-Unjoni Ewropea tifhem aħjar il-bżonnijiet tal-gżejjer. Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, li mistennija tieħu postha lejn l-aħħar ta’ Novembru, għandha tkun obbligata li fil-liġijiet il-ġodda li jitressqu jkun hemm attenzjoni partikolari għal kif dawn il-liġijiet jolqtu lill-gżejjer.

L-MEP tal-PN Peter Agius u x-Shadow Minister Mark Anthony Sammut temmew li l-Kummissjoni Ewropea għandha tkun obbligata tagħmel eżami tal-impatt dettaljat biex tara li jekk ikun hemm liġijiet li jkollhom piż sproporzjonat fuq il-gżejjer, dawn ikunu rtirati. Dan jgħodd partikolarment fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-Bidla fil-Klima fejn, filwaqt li l-Maltin u l-Għawdxin iridu jkunu parti minn din il-ġlieda, ma jfissirx li għandhom ikunu mgħobbija b’piż akbar min dawk iċ-ċittadini li jgħixu fl-ibliet il-kbar fl-Ewropa.