Internazzjonali

Iżrael: Jippersisti bl-attakki fuq Bejrut…u fuq il-kapijiet ġodda potenzjali tal-Ħeżbollah

 

L-attakki mill-qawwiet tal-ajru u t-truppi Iżraeljani komplew fuq il-milizji Xiti tal-Ħeżbollah f’Bejrut u bnadi oħra tal-Libanu — bl-azzjonijiet mistennija jintensifikaw fi tmiem il-ġimgħa. Dan waqt li l-militar ta’ Iżrael wissa liċ-ċivili residenti fi 30 villaġġ fin-Nofsinar tal-Libanu biex jevakwaw minn hemmhekk mingħajr telf ta’ ħin u biex jitilqu lejn l-artijiet Lebaniżi tan-Nofsinar fejn ikollhom anqas ċans li jispiċċaw fl-eqqel tal-bumbardamenti ġodda u imminenti.

Sadanittant, l-eżodu tal-familji Lebaniżi spiċċa aktar kumplikat wara li l-missili tal-Iżraeljani qerdu triq ewlenija fil-Libanu li twassal għall-fruntiera mas-Sirja li qed tilqa’ dejjem aktar eluf ta’ refuġjati minn din il-gwerra.

Il-Gvern Lebaniż sadanittant qal li nqatlu aktar minn 40 waqt l-attakki mill-ajru u l-art tal-Iżraeljani fi spazju ta’ 24 siegħa biss, biċ-ċifra tal-maqtula – gwerillieri Xiti u ċivili — mistennija titla maż-żmien.

Il-qawwiet Iżraeljani, fl-aħħar rejds fuq il-Libanu, immiraw speċifikament għall-inħawi fejn jaħsbu li jservu bħala moħba għal Hashem Safieddine li mistenni jilħaq bħala Kap Suprem tal-Ħeżbollah wara l-qtil, ġimgħa ilu, tal-eks-Mexxej militanti, Hassan Nasrallah.

Ma kienx magħruf jekk Safieddine – kuġin ta’ Nasrallah — setax spiċċa eliminat f’sensiela ta’ splużjonijiet kbar li heżżew diversi zoni f’Bejrut u wara li l-Iżraeljani aġixxew fuq l-informazzjoni li li s-suċċessur potenzjali ta’ Nasrallah u Kapijiet oħra tal-milizji Lebaniżi kienu qed jiltaqgħu f’bunker taħt l-art fl-inħawi ta’ Dahieh; distrett tal-kapitali magħruf bħala fortizza tal-Ħeżbollah.

U waqt li ma daħlet l-ebda konferma dwar l-eliminazzjoni potenzjali ta’ Safieddine, ftit hemm dubju li l-bumbardamenti ta’ bejn il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa filgħodu fuq Bejrut kienu ħafna aktar qawwija minn dawk li kienu qatlu lil Hassan Nasrallah.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Heżbollah sparaw aktar missili fid-direzzjoni ta’ Iżrael u fost id-daqq tas-sireni għall-allert fl-inħawi ta’ dak il-pajjiż lejn in-Nofsinar.