Raġel ta’ 34 sena mir-Rumanija nżamm arrestat wara li ġie mixli bl-attentat ta’ serq minn kumpanija tal-gaming. Gabriel Ghiorghita wieġeb mhux ħati li allegatament daħal fl-uffiċċju tal-kumpanija u pprova jisraq mill-magni tal-logħob iżda meta sab diffikultà għax spiċċa f’xaft dejjaq – ċempel għall-għajnuna lill-Pulizija.
Huwa mifhum li r-raġel mar jilgħab filgħodu fl-istess kumpanija, rebaħ xi flus, spezzjona l-post, siker sakra sew u telaq. Hu reġa’ mar fuq il-post aktar tard u allegatament seraq ftit aktar minn €200. Iżda meta pprova jaċċessa parti oħra mill-binja biex ikompli jisraq, inqabad f’xaft, ippanikja u ċempel lill-Pulizija biex jgħinuh joħroġ.
Fit-telefonata mal-Pulizija, l-akkużat ammetta li daħal biex jisraq mingħajr l-ebda arma u talabhom jgħinuh joħroġ minn xaft għaliex kien qed iħossu klawstrofobiku. Il-Pulizija sabet il-flus li kien għadu kemm seraq fuq waħda mill-magni tal-logħob.
Ir-raġel, li fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qal li jaħdem ma’ kumpanija tal-gaming f’Birkirkara, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk inżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia u Wayne Bonello flimkien mal-Avukat Giuliana Magro Conti f’isem l-Avukat Ġenerali. Għar-Rumen dehret l-Avukat tal-Għajnuna Legali Martina Herrera.
//= $special ?>