Il-mużew Il-Ħaġar│Heart of Gozo qed iniedi l-programm ta’ avveninmenti kulturali u edukattivi li se jkunu qed jinżammu f’dan iċ-ċentru kulturali fil-qalba tal-belt Victoria, Għawdex, f’dan l-ewwel kwart ta’ l-istaġun kulturali tiegħu, li jibda preċiżament matul dan ix-xahar t’Ottubru. F’konferenza tal-aħbarijiet li nżammet illum it-Tlieta fil-bini tal-mużew Il-Ħaġar stess, il-president tal-Kunsill Amministrattiv ta’ l-istess mużew, Joseph Borg, sostna li “sa’ minn qabel dan il-mużew fetaħ il-bibien tiegħu ftit inqas minn tnax -il sena ilu, l-viżjoni ta’ l-amministrazzjoni qatt ma kienet li dan ikun mużew statiku, fejn sempliċement nesponu l-patrimonju tagħna b’mod fiss, imma ridna li jkun mużew mimli attività u ħajja matul is-sena kollha biex b’hekk l-arti, l-kultura u l-edukazzjoni jkunu aktar aċċessibli għal kulħadd.”
F’dawn l-aħħar snin, il-mużew, ċentru kulturali u spazju tal-komunità Il-Ħaġar│Heart of Gozo kiseb reputazzjoni eċċellenti għall-kwalità ta’ avvenimenti li jsiru fih, tant li matul is-sena li għaddiet kien l-ewwel istituzzjoni privata f’Għawdex li ngħatat il-marka Quality Assured mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, waqt li propju f’Diċembru li għadda ġie ppremjat ukoll bil-Premju Nazzjonali għall-Wirt Kulturali minn Arts Council Malta. Kien propju dan il-ħsieb li ħeġġeġ lill-amministrazzjoni tal-mużew Il-Ħaġar sabiex għall-ewwel darba tniedi programm sħiħ mifrux fuq medda ta’ tliet xhur għall-benefiċċju ta’ l-għadd dejjem jiżdied ta’ segwaċi u viżitaturi.
L-avvenimenti, li huma kollha mingħajr ħlas, ivarjaw minn esebizzjonijiet temporanji għal taħdidiet pubbliċi fuq temi diversi, fosthom l-astroloġija, il-pre-istorja, l-arti dekorattiva, l-istorja tal-gastronomija, u anke diskussjonijiet fuq temi nazzjonali minn akkademiċi u riċerkaturi stabbiliti. Hemm ukoll numru ta’ kunċerti u workshops għat-tfal u l-istudenti. Il-qofol ta’ dan il-programm aktarx jintlaħaq bl-esebizzjoni straordinarja The Annunciation: The Itinerary of Hope through Iconography, li se tiftaħ f’nofs Novembru u li se tkun tinkludi xogħlijiet ta’ mgħallmin Ewropej kbar tas-sekli ħmistax u sittax fosthom Albrecht Dürer, Federico Barocci, Maestro del Dado, Lucas Cranach u oħrajn, li ħafna minnhom se jkunu qed jiġu esebiti fil-gżejjer Maltin għall-ewwel darba.
//= $special ?>