Lokali

L-ewwel Forum Nazzjonali dwar il-Media u l-Informazzjoni f’Malta – PN

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2024 fil-Parlament ta’ Malta se jittella’ l-ewwel Forum Nazzjonali dwar il-Media u l-Informazzjoni f’Malta. Din l-inizjattiva se ġġib flimkien politiċi ewlenin, professjonisti mis-settur tal-media, ġurnalisti, akkademiċi, studenti, attivisti tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali bil-għan li jiddjalogaw dwar il-futur tal-media f’Malta u l-impatt tagħha fuq id-demokrazija tagħna.

Dan il-forum huwa inizjattiva konġunta mill-Membri Parlamentari Karol Aquilina, Shadow Minister għall-Ġustizzja; u Claudette Buttigieg, Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete; bis-sostenn tal-Onor. Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati.

Il-forum għandu l-għan li jindirizza l-isfidi dejjem jikbru ta’ informazzjoni żbaljata, diżinformazzjoni u l-fake news, kif ukoll li jiddiskuti l-protezzjoni tal-ġurnalisti, il-libertà tal-istampa u l-bilanċ bejn ir-regolamentazzjoni u l-libertà tal-espressjoni.

Dawn huma t-temi ewlenin li se jiġu diskussi:

  • Ir-rwol tal-media fil-ħarsien tad-demokrazija: Kif il-media żżomm lil dawk fil-poter responsabbli u kif tkun ta’ sostenn għal elettorat infurmat.
  • Il-libertà ġurnalistika u l-protezzjoni tal-ġurnalisti: Kif niżguraw is-sigurtà tal-ġurnalisti u l-eżistenza tal-ġurnaliżmu indipendenti f’Malta.
  • Informazzjoni żbaljata, diżinformazzjoni u t-theddida tal-fake newsKif niġġieldu kontra informazzjoni qarrieqa li tgħawweġ l-opinjoni pubblika.
  • Ir-regolamentazzjoni u l-etika tal-media: Kif insibu bilanċ bejn il-promozzjoni tal-libertà tal-istampa u li niżguraw ir-responsabbiltà.

Wieħed jista’ jirreġistra l-parteċipazzjoni tiegħu billi jagħfas din il-link. Ir-reġistrazzjoni hija bla ħlas. Il-postijiet huma limitati u se jiġu assenjati fuq bażi ta’ first-come, first-served.