Internazzjonali

L-Iran: L-Ayatollah Khamenei jiġġustifika l-attakk fuq Iżrael waqt diskors f’Tehran

 

Il-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei,faħħar l-attakk tat-Tlieta fuq Iżrael bħala ‘azzjoni kompletament legali’ waqt li sostna li l-isparar tal-missili lejn l-Iżraeljani kien il-minimu possibbli tar-reazzjoni inevitabbli mill-Istat Iżlamiku mmexxi minnu. Din kienet l-ewwel reazzjoni pubblika ta’ Khamenei wara l-attakk u meta hu kien qed imexxi t-talb għall-Musulmani f’Tehran għall-ewwel darba f’ħames snin.

Folol kbar ta’ Iranjani attendew għal din is-sessjoni ta’ talb fil-madwar tal-Moskea ta’ Mosalla u fost iċ-ċerimonji għall-Mexxej tal-grupp Ħeżbollah, Hassan Nasrallah, li kien inqatel ġimgħa ilu waqt sensiela ta’ attakki koordinati mill-qawwiet Iżraeljani fuq Bejrut, il-kapitali tal-Libanu.

L-Iran, jiem wara, irritalja għall-qtil bl-isparar ta’ kważi 200 missila lejn Iżrael u Khamenei sostna, waqt id-diskors, li l-azzjoni ma kienet xejn meta paragunata ‘mar-reati kbar ta’ Iżrael’. Khamenei irrefera għal Iżrael bħala ‘reġim tal-vampiri’ waqt li kkundanna bla riservi lill-Istati Uniti li hi l-akbar alleata tal-Iżraeljani.

Khamenei wissa wkoll li l-Iran jinsab lest  u determinat għal aktar azzjonijiet kontra Iżrael u li l-Istat Iżlamiku mhux se jżomm lura milli jagħmel dak kollu neċessarju f’din is-sitwazzjoni,. L-Ayatollah, waqt id-diskors,  enfasizza wkoll il-ħtieġa għall-għaqda fost il-Musulmani…Sens ta’ għaqda li, fi kliemu, għandu jkun rifless minn kull Musulman madwar id-dinja skont il-prinċipji tal-Koran, il-ktieb qaddis għall-Musulmani.

Intant, Iżrael baqa’ dejjem it-tema prinċipali tad-diskors ta’ Khamenei li enfasizza li dan il-pajjiż, l-għadu tal-Iran, hu wkoll l-għadu tal-Palestinjani, il-Libanu u pajjiżi Musulmani oħrajn.

Id-diskors kien indirizzat mhux biss lill-Musulmani iżda anki lill-Palestinjani ta’ Gaza li nhar it-Tnejn, is-7 ta’ Ottubru,  ifakkru l-anniversarju iswed ta’ meta Iżrael iddikjara gwerra fuq it-terroristi tal-grupp Ħamas f’dawk l-artijiet…Gwerra li kienet inevitabbli wara li t-terroristi invadew it-territorji tal-Iżraeljani fejn wettqu l-massakru storiku ta’ mijiet ta’ familji u suldati.

L-aħħar darba li Khamenei mexxa t-talb ta’ nhar ta’ Ġimgħa għall-Musulmani fil-moskea ewlenija ta’ Tehran kien meta l-Ġeneral Iranjan Qasam Soleimani, il-Kmandant tal-Gwardja Rivoluzzjonarja tar-reġim, spiċċa maqtul, fl-2020, minn drone immirat għal-lokalità tiegħu viċin l-ajruport ta’ Bagdad, fl-Iraq. Il-qtil ta’ Soleimani kien wassal ukoll għall-attakki sussegwenti mill-milizji appoġġjati mill-Iran fuq il-bażijiet militari tal-Amerikani fl-Iraq.