L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem, Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija,
Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji u l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti tennew il-pożizzjoni soda tagħhom dwar il-fatt li sħubija f’union tal-ħaddiema hija għażla individwali, u la l-Gvern, la min iħaddem, u lanqas l-unions stess m’għandhom qatt jisforzaw sħubija jew le fuq l-impjegati.
Dan il-prinċipju fundamentali, protett mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, mill-konvenzjonijiet internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u kif ukoll mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, tiżgura li l-ebda impjegat m’għandu qatt jiġi mġiegħel jissieħeb f’union jew ma jitħalliex jissieħeb f’waħda.
Kuntrarjament għal stqarrijiet riċenti li għamel il-Gvern, il-korpi ta’ min iħaddem jixtiequ jiċċaraw li huma
ma kellhomx diskussjonijiet jew komunikazzjoniji speċifika mal-Gvern dwar unjoni mandatorja li rrefera għaliha is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul rapport fit-Times tat-30 ta’ Settembru 2024.
Il-korpi jirrifjutaw bis-sħiħ il-mudelli kollha ta unjoni obbligatorja msemmija minn Andry Ellul, liema pożizzjoni dejjem kienet konsistenti.
Dan ġie kkomunikat ukoll b’mod ċar lill-gvern fis-16 ta’ Marzu 2022. Din in-narrattiva li s-sħubija obbligatorja f’union tal-ħaddiema hija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri stabbiliti dwar il-paga minima hija assolutament falza.
Skont iċ-ċifri tas-sħubija li l-għaqdiet huma stess jissottomettu lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xog[ol, Malta għandha waħda mill-ogħla rata ta’ unions tal-ħaddiema fid-dinja.