Internazzjonali

Moldova: Tensjoni mar-Russja qabel ir-referendum dwar l-isħubija fl-UE

Il-Gvern tal-Moldova akkuża lir-Russja dwar indħil sfaċċat fil-proċess ta’ qabel ir-referendum imminenti li jitratta l-isħubija potenzjali ta’ dan l-eks Stat Sovjetiku fl-Unjoni Ewropea. Ir-referendum għad irid isir u l-Kremlin f’Moska hu akkużat li investa l-fondi sinifikanti biex jinfluwenza l-vot u jdawwar il-poplu tal-Moldova kontra din l-isħubija.

Il-Kap tal-Pulizija ta’ Moldova,  Viorel Cernautanu, qal li xxaħħmu aktar minn 130,000 ċittadin f’pajjiżu wara li huma kienu avviċinati min-nies li jmexxu network tar-Russi li qed jappoġġja lill-kandidati favur Moska. Hu qal ukoll li r-Russja lesta tagħmel minn kollox biex tevita t-tentattivi tal-Modova biex tavviċina lill-UE u ssaħħaħ ir-rabtiet ma’ Brussell.

Fil-fatt,  Cernautanu fisser is-sitwazzjoni bħala ‘attakk dirett u bla preċedent fuq pajjiżu’ waqt li stqarr li, fix-xahar ta’ Settembru biss, kienu trasferiti madwar €13.5 miljuni lill-kontijiet tal-individwi li nfetħu fil-Promsvyazbank tar-Russja.

L-elezzjonijiet għall-Presidenza tal-Moldova għandhom isiru fl-20 ta’ Ottubru, fl-istess żmien tar-referendum nazzjonali dwar jekk il-pajjiż għandux jippersisti fit-triq lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea. Intant, l-informazzjoni żvelata minn Cernautanu qajjmet tħassib kbir dwar il-korruzzjoni fost it-tensjoni bejn il-Gvern f’Chisinau u Moska.

Jekk il-poplu ta’ Moldova jivvota favur il-passi li jmiss lejn l-isħubija fl-Unjoni, it-tensjoni ma’ Moska għandha tiżded b’mod sinifikanti mhux biss mar-Russja. Dan għaliex il-Gvern f’ Chisinau, li hu favur il-Punent, kapaċi jkollu problemi kbar ġodda mar-reġjun separatista ta’ Transnistria (fil-Lvant tal-Moldova) li hu appoġġjat mill-Kremlin.