Is-sena 2024 rat tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni tal-frott madwar il-pajjiżi tal-Mediterran, b’mod speċjali f’Malta. Il-ħsad taż-żebbuġ madwar il-gżejjer tagħna kien affettwat bi tnaqqis qawwi, inkluż dak mis-siġar taż-żebbuġ tal-varjetà lokali tal-Bidni. It-tibdil fil-klima qed juri biċ-ċar li hu l-fattur ewlieni fit-tnaqqis tal-prodotti agrikoli, bl-effetti tiegħu jsiru dejjem aktar evidenti fil-kultivazzjoni taż-żebbuġ.
Immanuel Grima, Viċi-Chairperson tal-Bord ta’ Breeds of Origin Conservancy sostna li “waħda mir-raġunijiet ewlenin wara t-tnaqqis kbir fil-ħsad ta’ din is-sena kienet is-sħana li ppersistiet matul is-sena kollha. Is-sħana żammet lis-siġar taż-żebbuġ milli jgħaddu mill-fażi ta’ rqad, li hija kritika għas-saħħa u l-produttività tagħhom. Mingħajr dan il-perjodu ta’ mistrieħ, is-siġar ma straħux biżżejjed u ma’ setgħux jiżviluppaw il-frott kif suppost. Barra minn hekk, l-irjieħ qawwija u l-maltemp fl-aħħar ta’ April ħolqu ħerba fuq il-fjuri tas-siġar taż-żebbuġ. Ħafna mill-fjuri delikati li kienu diġà bdew jiffjorixxu waqgħu qabel iż-żmien, u għaldaqstant naqset bi kbir l-opportunita għad-dakra li twassal għall-frott. Dan, flimkien man-nuqqas ta’ xita, irriżulta fl-ifqar ħsad irreġistrat matul dawn l-aħħar snin.”
L-istatistika tal-ħsad miġbura mill-istess produttur tindika tnaqqis ta’ 69% fl-2024 meta mqabbel mal-2023, tnaqqis ta’ 74% mill-2022, u tnaqqis ta’ 45% mill-2021. Dan it-tnaqqis sostanzjali fil-produzzjoni jesponi l-ħtieġa li nindirizzaw fl-immedjat l-isfidi agrikoli li huma riżultat tat-tibdil fil-klima.
Dan it-temp imprevedibbli qed ikomplu jhedded is-sigurtà tal-ikel, u l-għajxien tal-bdiewa u r-raħħala madwar id-dinja. Għandha tingħata aktar importanza l-ħarsien u l-użu sostenibbli ta’ varjetajiet tal-lokal bħall-Bidni, li barra li huma wirt nazzjonali, huma aktar reżiljenti għal din it-tip ta’ klima u ambjent.
Fl-2006, il-proġett għall-konservazzjoni tal-Bidni (PRIMO), tneda u tmexxa minn Sammy Cremona, meqjus wieħed mill-ewwel kustodji ta’ din il-varjetà. Illum, grazzi għall-isforzi tiegħu, nistgħu nsibu din il-varjetà f’Ta’ Silġ, taħt il-kustodja ta’ Patri José De Bono u fil-Wardija, taħt il-kustodja tal-familja Grima.
//= $special ?>