Il-Maġistrat Marsanne Farrugia għal darba oħra ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Nazzareno Dalli li jinsab akkużat li f’Marzu li għadda pprova joqtol żewġt ibniet ta’ 12 u 15-il sena, b’diversi daqqiet ta’ sikkina. Din it-talba kienet miċħuda wkoll mill-istess Qorti f’Lulju li għadda.
Nazzareno Dalli ta’ 43 sena minn Bormla, magħruf bħala Ronald, li għadu għaddej proċeduri fuq każ ta’ attentat ta’ qtil ta’ żewġt ibniet ta’ 12 u 15-il sena meta allegatament tahom diversi daqqiet ta’ sikkina, f’inċident li kien seħħ fid-9 ta’ Marzu li għadda. Waħda mill-bniet qalgħet xejn inqas minn 16-il daqqa ta’ sikkina.
Quddiem il-Maġistrat Farrugia, l-avukat Mario Mifsud, wieħed mill-avukati li qed jidhru għal Dalli, iddikjara li l-imputat huwa nadif mid-droga u li segwa l-korsijiet kollha ta’ rijabilitazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Id-difiża nfurmat ukoll lil Qorti li Dalli ssottometta applikazzjoni għal kors ta’ rijabilitazzjoni fil-Caritas. L-avukat Franco Debono rringrazzja lil Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marsanne Farrugia, talli ħaffet il-proċeduri u semgħet ix-xhieda kollha b’rabta ma’ dan il-każ f’qasir żmien.
Meta ġiet biex tiddeċiedi dwar it-talba tad-difiża, il-Qorti qalet li għadha ma tħosshiex komda tieħu deċiżjoni qabel ma jkollha serħan tal-moħħ li jekk l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest għandu s-sapport neċessarju.
Għalhekk, ordnat li fis-seduta li jmiss, tisma’ x-xhieda tal-uffiċjal tal-probabtion, rappreżentant tal-Caritas u lill-psikologa ta’ Dalli li qed isegwih fil-ħabs. Dawn huma mistennija li jixhdu nhar it-Tnejn, 7 ta’ Ottubru. Żewġ stqarrijiet tal-imputat stess kienu jgħidu li tliet xhur qabel l-attentat ta’ qtil fuq iż-żewġ minuri, meta ammetta li beda jabbuża b’mod qawwi minn xorb eċċessiv, kokaina u pilloli tal-irqad.
Fl-ewwel ċaħda tagħha għall-pleġġ l-Qorti kienet ħadet kont ukoll li Dalli qal li ftit sigħat qabel l-inċident huwa kien ikkonsma ħafna kokaina, għax skont hu kien qed jagħtihielu raġel b’xejn filwaqt li ħa xi pilloli kif ukoll xorob xi sustanza likwida minn tazza. Fl-istqarrija tiegħu, Dalli kien qal li konsegwenza ta’ dan il-cocktail ta’ sustanzi hu ntilef minn sensieh, u qal li ma jiftakar xejn x’għamel u x’ġara.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Ian Vella flimkien mal-Avukati Etienne Savona u Manuel Grech għall-Avukat Ġenerali. Dalli qed jidher assistit mill-Avukati Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Għall-vittmi qed tidher l-Avukat Roberta Spiteri.
//= $special ?>