Lokali

Niżvelaw: Il-Ministru kien infurmat li l-basement taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi mhux sigur

Il-provi huma ċari – il-Ministru kien jaf li dan il-basement mhuwiex certified – iżda għalaq għajnejh – sa dil-ġimgħa stess, kif jixhdu dawn il-filmati, l-aċċess inżamm miftuħ.

Net News jinsab f’pożizzjoni illi jiżvela li l-basement taċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi ma ġiex ċertifikat bħala sigur; fi kliem sempliċi, mhuwiex safe li wieħed jidħol b’xi mod f’dan il-parkeġġ – speċjalment f’każ li jinaqala’ xi każ ta’ nirien.

Dan l-istazzjon għandu wkoll f’idejh provi illi juru li l-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela kien jaf b’dan kollu. Però xorta waħda, dan il-basement li qed isservi bħala parkeġġ xorta waħda qiegeħed miftuħ għall-pubbliku – minkejja li mhux sigur.

Is-sorsi li tkellmu magħna qalulna li kien hemm parir ċar minn inġinier partikolari illi kiteb lill-awtoritajiet biex jiftħilhom għajnejhom dwar dan il-periklu. Fl-email kien ikkupjat anke l-Ministru tas-Saħħa – iżda dan għalaq għajnejh.

Bil-Ministru JoEttiene Abela jibqa’ jgħid li dan mhuwiex każ li hemm parkeġġ mhux certified – filwaqt li baqa’ jwaħħal fl-esperti.

…dan meta l-esperti kienu qalulu ċar u tond li dan il-post ma kellux ikun miftuh, tant li qalulu li din id-deċiżjoni tmur kontra l-proċeduri tal-Health Technical Memorandum.

Fil-fat fi kliem espert partikolari, din in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Ministru fissret periklu kbir hekk kif hemm riskju serju f’każ li jaqbdu n-nirien. Bir-riżultat jaf ikun katastrofiku.

Bl-esperti jgħidu wkoll li inutli  li qed jitpoġġew il-fire extinguishers għax dan ma jnaqqas l-ebda riskju.

U minkejja dan ir-riskju kollu il-basement kien u għadu miftuħ għall-ħaddiema u r-residenti tal-akwati – bil-karozzi deħlin u ħerġin.