“Pajjiżna jeħtieġ viżjoni u pjan strateġiku b’mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità minflok fuq il-kwantità.”
Dan kien il-messaġġ li twassal waqt il-programm Insights fuq il-PBS, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u Norbert Grixti f’isem l-MHRA appellaw lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jagħti widen lill-Korpi Kostitwiti.
Matul din id-diskussjoni Josef Bugeja għal darba darbtejn saħaq fuq il-fatt li preżentament pajjiżna m’għandux viżjoni.
Aspett li anke Marthese Portelli għafset fuqu, fejn saħqet fuq l-importanza li l-viżjoni tinkludi s-setturi kollha ta’ pajjiżna.
Apparti minn hekk matul id-diskussjoni, il-mistiedna kollha aċċennaw fuq l-importanza li jkun hemm bidla fil-mudell ekonomiku – għaliex pajjiżna ma jiflaħx għal aktar.
Minn naħa tiegħu Josef Bugeja saħaq fuq il-fatt li pajjiżna jeħtieġ ħaddiema ta’ kwalità; u għalhekk għandhom jingħataw it-taħriġ neċessarju b’kundizzjonijiet xierqa.
Norbert Grixti qal li l-Gvern jeħtieġ li jieħu azzjoni għaliex jekk it-turisti se jkomplu jiżdiedu…il-problemi f’setturi varji se jkomplu jikbru. U huwa għalhekk li jeħtieġ turisti ta’ kwalità.
Marthese Portelli u Josef Bugeja reġgħu tennew l-appell tal-Korpi Kostitwiti li l-COLA ma tkunx intaxxata għaliex huwa inġust li l-poplu qed jiġi intaxxat fuq kumpens tal-għoli tal-ħajja li jingħata minn min iħaddem.
Għal dawn l-aħħar snin, anke il-Partit Nazzjonalista preżenta diversi proposti għall-ġid tal-poplu kollu; iżda budget wara l-ieħor il-Gvern ta’ Robert Abela injora l-appelli kemm tal-Korpi Kostitwiti kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>