Lokali

Sede ġdida tat-Tribunal Ekkleżjastiku f’Għawdex

Il-Ħamis 3 ta’ Ottubru 2024, id-Djoċesi ta’ Għawdex inawgurat is-sede ġdida tat-Tribunal Ekkleżjastiku tagħha fil-binja tal-Lumen Christi Media Centre, Triq Fortunato Mizzi, il-Belt Victoria.

Kif qal Mons. Joseph Zammit, Vigarju Ġudizzjali, fid-diskors li għamel, “l-idea li d-Djoċesi ta’ Għawdex ikollha sede ġdida għat-Tribunal Ekkleżjastiku nibtet maż-żmien, u wara dawn l-aħħar tliet snin din l-idea saret realtà”, bl-għan li l-istess Tribunal “ikollu post li jħares kemm jista’ jkun dejjem iktar ir-riservatezza u s-sigurtà li jixraqlu x-xogħol sensibbli li jiżvolġi fih”.

Huwa żied li “t-Tribunal jaqdi ministeru ta’ ġustizzja fil-verità bl-akbar ħniena lejn persuni mweġġgħa, b’feriti li diffiċilment jingħalqu”, u l-ministeru tal-uffiċjali li jservu fih “huwa wieħed ta’ karità”.

Mons. Edward Xuereb, eks Vigarju Ġudizzjali, fakkar li fit-Tribunal “naraw li aħna l-imħallfin, ilkoll qassisin b’kuntatt dirett man-nies fil-parroċċi, naqdu dan il-ministeru bħala aspett tas-saċerdozju ministerjali tagħna – fatt li jgħinna daqs ebda ieħor biex nifhmu l-fatti b’mod aktar penetranti u napplikaw id-dritt sostanzjali għall-każ li jkun”.

Fid-diskors tal-għeluq tiegħu, qabel bierek is-sede l-ġdida, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex fi żmien qasir seta’ jsir dan it-trasferiment għal lokal adattat fejn is-servizzi jistgħu jkomplu jingħataw b’mod professjonali, u sejjaħ lit-Tribunal “sptar u ġinnasju li jerġa’ jġib fuq saqajhom relazzjonijiet, feriti u weġgħat”.

Awgura li b’dan it-trasferiment għal post iktar attrezzat kemm għal min jaħdem fih u kemm għal min jagħmel użu mis-servizzi tiegħu, jista’ joħroġ dejjem iktar l-aspett pastorali tat-Tribunal, li qiegħed hemm imma mhuwiex daqshekk magħruf.

Is-sede tospita fiha uffiċini ġodda għall-Vigarju Ġudizzjali u l-Kanċillier tat-Tribunal, kif ukoll Arkivju u Sala tal-Laqgħat. L-istess binja qed tilqa’ fiha wkoll uffiċċju ġdid għall-Kummissjoni tas-Safeguurding tad-Djoċesi ta’ Għawdex.