Eluf ta’ Awstrijaċi ssieħbu f’dimostrazzjoni fiċ-ċentru ta’ Vienna, il-kapitali tal-Awstrija, u fejn, bħala ‘kollettiv’, ħeġġew lill-partiti politiċi lokali biex ma jissieħbux f’koalizzjoni mal-Partit FPÖ magħmul mill-estremisti tal-lemin u li kiseb riżultati tajbin storiċi fl-aħħar elezzjonijiet nazzjonali.
Il-protesta bdiet mill-Università ta’ Vienna u sakemm il-massa tan-nies waslet quddiem il-bini tal-Parlament. Mifhum li aktar minn 25,000 ħadu sehem fid-dimostrazzjoni u bin-nies iwettqu pressjoni partikulari fuq il-Partit tal-Poplu Awstrijak (ÖVP) taċ-ċentru-lemin biex ma jidħolx fi ftehim mal-estremisti.
Il-Partit FPÖ, għall-ewwel darba fl-istorja, kiseb 29% tal-vot popolari fl-elezzjonijiet tal-Ħadd.
Dan il-partit — li minbarra li hu ewroxettiku hu wkoll dispost favorevolment lejn ir-Russja ta’ Vladimir Putin – mexxa l-kampanja tiegħu fuq programmi kontra l-immigrazzjoni, minbarra li wiegħed ukoll biex jintroduċi l-miżuri li għandhom jistimolaw l-ekonomija moribonda tal-Awstrija.
Peress li dan il-partit ma kisibx maġġoranza assoluta, se jkollu bżonn bilfors li jifforma Gvern ta’ koalizzjoni biex ikun jista’ imexxi lill-pajjiż – u f’liema każ tkun l-ewwel darba li l-Awstrija jkollha tmexxija estremista tal-lemin miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija.
//= $special ?>