Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil dawk li ġġieldu jew għadhom jiġġieldu l-kanċer tas-sider

Hekk kif beda x-xahar ta’ Ottubru, li fih id-dinja tfakkar lin-nisa kollha li ħabbtu wiċċhom mal-kanċer tas-sider, filwaqt li titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tas-saħħa u aktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider, il-Partit Nazzjonalista jsellem lil dawk il-persuni kollha li għaddew minn esperjenza ta’ mard, dawk li rnexxielhom jikkumbattu b’suċċess, kif ukoll lil dawk li tilfu din il-battalja.

Fi stqarrija ffirmata mis-Shadow Minister Graziella Attard Previ flimkien mal-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista stqarr li jibqa’ dejjem impenjat favur politika qawwija ta’ prevenzjoni ta’ kull xorta ta’ mard u, hekk kif kien Gvern Nazzjonalista fl-2009 li introduċa proċess ta’ screening nazzjonali għan-nisa li jkollhom aktar minn 50 sena, dan ghandu jkompli jissaħħaħ b’investiment akbar u b’servizzi tal-aqwa kwalità għall-prevenzjoni, kif ukoll kura tal-ogħla livell, fejn inwiegħdu li l-pazjent jibqa’ dejjem fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Kura olistika li tinkludi kemm dik medika kif ukoll kura personali, emozzjonali u psikoloġika biex il-pazjent jingħata dak kollu li hemm bżonn. Bħala Partit Nazzjonalista nemmnu wkoll li għandha tingħata importanza u jsir investiment akbar għar-riċerka f’dan il-qasam biex jinstabu trattamenti ġodda għall-kura ta’ kull tip ta’ kanċer.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem ukoll lill-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan il-qasam u jagħtu servizz impekkabbli, kif ukoll lil dawk l-għaqdiet mhux governattivi li b’tant dedikazzjoni jikkontribwixxu biex ikun hemm dejjem aktar għarfien u aċċess għall-aqwa servizzi fil-prevenzjoni u l-kura tal-kanċer tas-sider.

It-tema ta’ din is-sena, li hi No one should face breast cancer alone, se tibqa’ fil-qalba tal-politika tal-Partit Nazzjonalista. Kull persuna trid tingħata l-kura speċjalizzata tal-ogħla livell u li tkun disponibbli dejjem, filwaqt li jkollha l-attenzjoni meħtieġa u tant importanti f’kull mument tal-ħajja, speċjalment f’mumenti difficli meta jkun hemm il-mard.