Lokali

Imnedija azzjoni għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Sejħa għal azzjoni biex ningħaqdu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni – imniedi manifest għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’Malta.

L-NGO Repubblika, ippublikat manifest b’10 punti ewlenin sabiex jiġu missielta l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni f’Malta.

Fost dawn il-punti huma; li jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet pendenti għal riformi u istituzzjonali, jissaħħu l-liġijiet dwar il-libertà tal-informazzjoni, tkun żgurata t-trasparenza fid-deċiżjonijiet tal-prosekuzzjoni fost oħrajn.

NetNews tkellem mal-President tal-għaqda Repubblika, Vicky Ann Cremona illi spjegat li huma ħafna l-entitajiet li tkellmu fuq riformi ta’ korruzzjoni, iżda minkejja dan ma nbidel xejn.

Intant, Cremona spjegat illi l-fatt illi r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ifisser illi l-istat ma ħax responsabbiltà li ġie akkużat minnu

Kienet Vicky Ann Cremona li tenniet illi l-ġurnalisti mhux prottetti biżejjed. Fejn iddiskreviet lill-ġurnalista bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija.

Huwa għalhekk illi spjegat li għandu jkun hemm aktar protezzjoni għall-ġurnalisti f’pajjiżna sabiex ikunu jistgħu iwettqu x-xogħol tagħhom bla perikli.

Intant, nhar is-16 ta’ Ottubru, għeluq is-seba’ sena mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia Repubblika se tkun qed tfakkar il-memorja tal-ġurnalista b’silent gathering fil-post fejn inqatlet il-ġurnalista. Aktar tard fis-6pm, se tkun qed issir quddies b’tifkira fil-Knisja ta’ San Franġisk fi Triq ir-Repubblika l-Belt.

Imbagħad, fis-7pm, march li jibda fi Triq ir-Repubblika, bil-qofol jintlaħaq b’velja f’Misraħ l-Assedju l-Kbir il-Belt Valletta.