L-għoli tal-ħajja fl-aħħar snin qed tibqa’ bħala pjaga għall-familji Maltin u Għawdxin.
Stħarriġ illi ppublika l-Parlament Ewropew juri li l-għoli tal-ħajja kienet raġuni prinċipali għalfejn numru ta’ persuni ma ħarġux jivvotaw.
Dan l-istħarriġ juri illi 52% tal-popolazzjoni li ma vvutawx f’pajjiżna f’Ġunju li għadda, għamlu dan minħabba ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
Dan jirriżulta minkejja l-iskema Stabbiltà li daħħal il-Gvern lura fi Frar ta’ din is-sena, skema li għadu jfaħħar Robert Abela u li jidher biċ-ċar li mhux qed issarraf f’serħan il-moħħ tal-familji Maltin u Għawdxin.
F’dan l-istħarriġ ħareġ ukoll illi l-Maltin iqisu s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea bħala ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Maltin, għaliex toffri opportunitajiet ta’ xogħol, tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku filwaqt li ttejjeb ir-relazzjonijiet ta’ pajjiżna mal-pajjiżi Ewropej.
Sħubjia, frott il-viżjoni fit-tul li kellu Gvern Nazzjonalista….viżjoni li ma kien jaqbel magħha xejn Partit Laburista.
Dan l-istħarriġ juri wkoll illi s-sitwazzjoni ekonomika kienet tema ewlenija li mmotivat liċ-ċittadini sabiex jivvotaw, b’proporzjon minnhom ikunu mmotivati mid-difiża għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt.
Fejn ħareġ ukoll illi f’Malta, 40% tal-votanti li xeħtu l-vot tagħhom, kienu motivati biex jagħmlu dan mill-ambjent u t-tibdil fil-klima.
//= $special ?>