Lokali

L-għalliema l-esperti fl-għarfien mgħoddi lit-tfal tagħna

Fil-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Għalliema, il-Partit Nazzjonalista jsellem u jirringrazzja lill-professjonisti kollha fil-qasam edukattiv li qegħdin jgħaddu l-għarfien tagħhom lit-tfal tagħna kuljum b’dedikazzjoni, impenn u mħabba.

Għal din is-sena, il-UNESCO qiegħda tivvaluta l-leħen tal-għalliem, tema li għall-Partit Nazzjonalista għandha valur immens anke għaliex għal dawn l-aħħar snin ilu jenfasizza fuq l-importanza li l-amministraturi, l-għalliema, l-edukaturi u l-professjonisti kollha fil-qasam edukattiv jingħataw aktar spazju sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom biex titfassal politika addattata għall-opportunitajiet u għall-isfidi tal-lum.   

Għall-PN, l-għalliema huma l-esperti li jistgħu jagħrfu d-direzzjoni li għandha tieħu r-rotta edukattiva fil-pajjiż għaliex jgħixu l-esperjenza tat-tagħlim kuljum. Għalhekk, il-leħen lill-għalliema isaħħaħ id-djalogu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw ta’ kuljum, iżda, l-aktar importanti, biex is-sistema edukattiva tirrikonoxxi u tibbenefika mill-għarfien wiesa’ u l-kontribut li jagħtu lkoll.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu favur l-edukazzjoni li għandha tħares dejjem aktar l-importanza tal-prevenzjoni, tal-inklużjoni, tal-kreattività artistika u tad-diġitalizzazzjoni.

Justin Schembri – Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’