Vittma oħra ta’ vjolenza domestika wasslet biex il-Pulizija ressqet lill-aggressur raġel ta’ 58 sena minn Birżebbuġa wara li hedded lil omm ibnu li kien se “jċartilha lil wieħed miż-żewġt uliedha u wara jdur għaliha”.
Mal-Pulizija l-allegata vittma qalet li din ma kinitx l-ewwel darba li John Polidano heddidha. Dan sostnietu wkoll il-prosekuzzjoni meta infurmat lill-Qorti li l-akkużat għandu tliet ordnijiet ta’ protezzjoni fil-konfront tal-vittma, li evidentament mhux qed isegwi.
Intqal ukoll li din id-darba r-raġel bagħat diversi messaġġi ta’ insulti u theddid fosthom li kien se “jċarrat lil wieħed miż-żewġ ulied il-mara u jdur għaliha”. Huwa ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa kollha minħabba n-natura tal-akkużi fosthom il-ksur ta’ tliet ordnijiet ta’ protezzjoni filwaqt li aċċennat li l-mara qed tiġi ppersegwitata kontinwament minn missier binha. L-avukat difensur, Marija Sarah Vella Gafà, qalet li hi proprju l-mara li qed tibqa’ tavviċina lill-akkużat u tmur quddiem il-bieb tar-residenza tiegħu biex tagħtih lil ibnu.
Hija qalet ukoll li r-raġel irrapporta dawn l-episodji lit-Taqsima ta’ Kontra l-Vjolenza Domestika, u allega li l-mara meta jfettillha jkollha relazzjoni tajba miegħu u anki tidħol f’daru meta jkun imissu l-aċċess. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar, għall-akkużat l-Avukat Ishmael Psaila waqt li għall-vittma dehret l-Avukat Lara Dimitrijevic.
//= $special ?>