Lokali

Protesta kontra l-iżvilupp ta’ bini fil-Mellieħa

Aktar kmieni s-Sibt, numri kbir ta’ residenti, attivisti u NGOs flimkien ma’ numru ta’ Kunsilliera mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa inġabru fil-Mellieħa sabiex jopponu żvilupp ta’ bini ta’ appartamenti u jiġu mħarsa l-interessi tal-Melliħin.

Din id-dimostrazzjoni ġiet organizzata wara li art miftuħa ta’ 4000 metru kwadru li kienet art pubblika ġiet trasferita lill-entità privata fi Frar li għadda u li issa ġiet rakkomondata għal bini ta’ appartamenti.

Net News kien preżenti għal din il-protesta fejn tkellem mas-Sindku tal-Mellieħa, Gabriel Micallef li saħaq li bħala kunsill ha jibqgħu jissieltu f’isem il-familji Melliħin sabiex dan l-żvilupp ma jsirx u li din l-art tibqa’ tar-resideniti Melliħin.

Il-kelliema li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalu li qed jappellaw lill-awtoritajiet biex din l-art tibqa’ tal-poplu. Madankollu, ir-residenti li tkellmu magħna qalu li din hija wkoll kwistjoni ta’ saħħa mentali u enfasizzaw fuq il-bżonn għal iżjed spazji miftuħa u li jibqgħu jiġu mħarsa l-interessi tar-residenti.

Net News tkellem ma’ Mark Borg u Olivia Gauci, it-tnejn residenti fil-lokalità tal-Mellieħa.

Intant, ħafna mill-persuni preżenti wasslu t-tħassib kbir lejn dan il-proġett li jaf jwassal għal impatt negattiv fuq l-infrastruttura, speċjalment fuq il-provvista tal-elettriku.

Barra minn hekk, bosta saħqu jekk żvilupp bħal dan jagħmilx sens meta wieħed jikkonsidra ż-żieda sostanzjali fil-popolazzjoni u żieda fin-numru ta’ karozzi f’pajjiżna.

Persuni preżenti ukoll enfasizzaw fuq il-ħtieġa li tintrefa responsabbiltà politika fuq it-transferiment ta’ din l-art pubblika u għaldaqstant fuq dan l-iżvilupp.

Fi Frar 2023, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar kien daħħal petizzjoni fil-Parlament f’isem ir-residenti Melleħin. L-istess deputat dalgħodu ma’ kienx preżenti għall-protesta peress li kien imsiefer fuq xogħol parlamentari.