Lokali

“Qed jinħass element ta’ ansjetà kbira” – Ir-rappreżentant ta’ Malta fil-Palestina

Bħalissa fit-toroq tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani qed jinħass element ta’ stennija u ansjetà kbira.

Dan kien is-sentiment li stqarr Franklin Aquilina rappreżentant ta’ Malta fil-Palestina f’intervista li kellu fuq il-programm NetLive il-Ġimgħa filgħaxija.

Hu sostna li matul is-snin dejjem kien hemm it-tensjoni fir-reġjun però bħal issa s-sitwazzjoni hija waħda anzjuża ferm. Aquilina spjega kif wara l-attroċitajiet tal-Ħamas li twettqu fis-7 ta’ Ottubru s-sitwazzjoni gravat u marret għall-agħar.

Madanakollu s-sitwazzjoni ġiet aktar tal-waħx wara l-attakki konsistenti tal-Iżraeljani f’Gaza, b’ eluf ta’ ċivili issa spiċċaw mejta u oħrajn bla saqaf fuq rashom.

Filfatt issa is-sitwazzjoni qed tkompli teskala anke bl-involviment tal-Iran, l-Istat Iżlamiku li nhar it-Tlieta li għadda spara ‘l fuq minn 200 missila fuq Iżrael, bil-maġġoranza assoluta tagħhom ġew interċettati mill-Forzi Iżraeljani.

Franklin Aquilina reġa tenna li Malta tikkundanna l-attakki Iżraeljani fuq iċ-ċivili, filwaqt li tikkundanna wkoll l-attakki terroristiċi tal-Ħamas li xprunaw l-eskalazzjoni fil-Lvant Nofsani.

Aquilina għalaq b’appell għal paċi kif ukoll aċċena fuq il-fatt li dak li l-komunità internazzjonali ilha taħdem għalih, ċioe l-kunċett taż-żewġ stati, jekk is-sitwazzjoni fir-reġjun tkompli teskala jemmen li jista’ jisfaxxa kollox fix-xejn.