Lokali

Il-Parlament jiftaħ għall-pubbliku għall-okkażjoni tan-Notte Bianca

Għal sena oħra l-Parlament ta’ Malta reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku fl-okkażjoni tan-Notte Bianca, li din is-sena nżammet is-Sibt, 5 ta’ Ottubru.

Il-binja laqgħet fiha numru sabiħ ta’ viżitaturi, kemm Maltin u barranin, li kollha kellhom l-opportunità li jaraw il-binja minn ġewwa inkluż partijiet li normalment ma jkunux miftuħin għall-pubbliku, bħall-uffiċċji tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, kif ukoll iżuru l-kmamar fejn fihom jiltaqgħu l-kumitati parlamentari u jaraw is-Sala tal-Parlament.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia kif ukoll il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, kienu preżenti għal xi ħin fejn kellhom l-opportunità jitkellmu ma’ dawk li żaru l-binja f’din l-okkażjoni dwar il-ħidma li ssir mill-Parlamentari. Matul il-lejla staff tal-Parlament kienu wkoll preżenti sabiex jilqgħu lill-pubbliku u jispjegaw diversi aspetti tal-proċeduri parlamentari.

Fid-daħla tal-Parlament il-pubbliku kellu wkoll l-opportunità li jara l-wirja mtellgħa mill-Għaqda Każini tal-
Banda bl-isem ‘Puccini l-Fotografu’ bħala parti mill-attivitajiet li qegħdin jittellgħu fl-okkażjoni tal-100 sena anniversarju mill-mewt tiegħu.