Internazzjonali

It-Tuneżija: ‘Rebħa għal Saied’…Elezzjoni li jista’ ikollha biss riżultat wieħed

Il-President tat-Tuneżija, Kais Saied, qed iħejji diġà għal terminu ġdid ta’ tmexxija u meta l-poplu għadu qed jivvota fl-elezzjoni nazzjonali…Dan għaliex xejn ħlief ‘miraklu’ ma jista’ itellef lil Saied mir-rebħa u meta l-President Tuneżin jitqies bħala salvatur mis-sostenituri tiegħu u (għall-kuntrarju) bħala Mexxej riġidu u awtokratiku mill-kritiċi.

Għalkemm – sa ftit ilu – ‘il fuq minn għaxar politiċi kienu qed jittamaw li jisfidaw lil Saied fl-elezzjoni, il-Kummissjoni Elettorali fit-Tuneżija approvat biss lil żewġ ismijiet addizzjonali fuq id-dokument tal-vot. Fil-fatt, wieħed minn dawn, Ayachi Zammel – ftit qabel l-elezzjoni —  kien weħel sentenzi ta’ ħabs konsekuttivi fuq akkużi li falsifika xi dokumenti.

It-Tuneżija għamlet ftit snin bħala simbolu tad-demokrazija fid-Dinja Għarbija wara s-suċċess tas-sensiela tar-rewwixti storiċi ( tar-Rebbiegħa Għarbija) kontra d-dittaturi fl-Istati Għarab u tal-Afrika ta’ Fuq.

Iżda mindu Saied kien elett President fl-2019, dan il-politiku ta’ 66 sena sospenda lill-Parlament, fassal mill-ġdid il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżu waqt li ħatar lilu nnifsu bħala Mexxej ‘omnipotenti’ tat-Tuneżini.

Din kienet it-tielet elezzjoni presidenzjali fit-Tuneżija mindu tkeċċa d-dittaturZine al-Abidine Ben Ali fl- 2011. Ben Ali kien ilu fil-poter għal aktar minn 20 sena qabel spiċċa kostrett li jaħrab lejn l-Arabja Sawdija wara xhur ta’ protesti popolari kbar f’pajjiżu.

Intant, it-theżżiż politiku tal-aħħar xhur fit-Tuneżija jfisser li din l-elezzjoni jista’ ikollha biss riżultat wieħed – f’dan il-każ rebħa inevitabbli għall-President  Saied li tant immanipula s-sitwazzjoni politika u legali li ma jista’ jiffaċċja bl-ebda mod sfida denja u serja mingħand kwalunkwe kandidat ieħor.

Għaldaqstant, din l-elezzjoni hi sempliċi ‘referendum dwar Kais Saied’ u wara li l-Partit Ennahda – l-akbar entità tal-Oppożizzjoni Tuneżina – effettivament spiċċa mingħajr tmexxija wara l-arresti tal-uffiċjali ewlenin tiegħu fuq livell mingħajr  l-ebda preċedent fit-Tuneżija.

U l-grupp Human Rights Watch, ibbażat fi New York, irrapporta li l-awtoritajiet Tuneżini esludew talanqas tmien kandidati prospettivi għall-aħħar elezzjoni presidenzjali permezz tal-kampanji ta’ prosekuzzjoni u l-kundanni ta’ priġunerija.