Fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima, 5 xhur wara li l-madonna ġiet inkurunata Sultana, ġie inawgurat mużajk ġdid b’diversi xbiegħat differenti fl-apsedi ċentrali tas-santwarju.
Waqt l-inawgurazzjoni…il-kappillan tal-parroċċa, Patri Joseph Zahra qal li l-interess kulturali li l-mużajk se jattira jaf eventwalment iwassal biex isaħħaħ anke l-aspett spiritwali.
Patri Roberto Gauci, f’isem Acorn Ltd, spjega li l-mużajk huwa arti spiritwali. U x-xbiegħat huma memorja u tifkira ta’ dak li nesperjenzaw fil-knisja. Hu sostna li l-iskop tal-mużajk hu li jerfa’ l-qlub ‘il fuq, sabiex il-bniedem issir dak li jikkontempla.
U allura, il-mużajk ma sarx biss biex isebbaħ is-santwarju.

Gauci, spjega li x-xbiegħa tal-id il-kbira miftuha tirrapreżenta lil Alla, waqt li l-Ispirtu Santu huwa l-ħajja …u t-tron jirrapreżenta l-Ġesu fostna. Fuq it-tron tidher ukoll libsa li tirrapreżenta l-umanità ta’ Alla.

Imbgħad, hemm iż-żewġ anġli jżommu f’idejhom s-simboli tal-passjoni kuruna, lanza u sponża.

Waqt li fin-naħa ta’ isfel, jidhru żewġ anzjani li huma Adam u Eva, li jidhru fid-dlam li huwa simbolu tal-mewt. Fuq in-naħa l-oħra ta’ isfel hemm it-tlitt it-tfal ta’ Fatima – Luċija qed iżomm il-kuruna tar-rużarju, Franġisku jżomm il-wiċċ ta’ Kristu waqt li Ġaċinta żomm il-ħaruf li huwa simbolu tal-iben ta’ Alla.
Din l-opra tal-arti issa tista’ titgawda minn kulħadd, u se tkompli issebbaħ dan is-santwarju għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
//= $special ?>