Internazzjonali

Libanu: Aktar maqtula fost il-bumbardamenti ħorox….b’Iżrael ikompli jelimina lill-kapijiet tal-Ħeżbollah

Il-poplu f’Bejrut, il-kapitali tal-Libanu, sofra l-agħar lejl ta’ bumbardamenti mill-qawwiet Iżraeljani mindu rrankat il-gwerra bejn Iżrael u l-milizji Xiti Lebaniżi tal-Ħeżbollah.

L-attakki, matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd, ħallew qerda kbira, fost rapporti mhux ikkonfermati li mietu numru mhux determinat ta’ gwerrillieri tal-Ħeżbollah u ċivili.

Dan wara li l-uffiċjali fil-Libanu konfermaw li kienu mietu talanqas 30 f’sensiela oħra tal-attakki mill-Iżraeljani fuq dan il-pajjiż matul il-jum tas-Sibt….Attakki li ħallew ukoll ‘il fuq minn 100 midruba.

L-attakki mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani wasslu wkoll għall-għeluq ta’ xi sptarijiet fin-nofsinar tal-Libanu. Talanqas erba’ sptarijiet sospendew is-servizzi u kelliema għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) issa qed jgħidu l-Iżraeljani, fl-aħħar jiem, anki attakkaw lil diversi faċilitajiet mediċi, fost il-qtil tal-membri tal-istaff  involuti fil-ħidma ta’ fejda.

Sadanittant, Iżrael qed iħejji għal azzjonijiet militari ġodda fin-Nofsinar tal-Libanu fost it-twissijiet biex il-familji Lebaniżi f’dawk iz-zoni joħorġu mill-artijiet li kienu mistennija jinbidlu fi front ġdid għall-battalji bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-Ħeżbollah.

L-allert għall-evakwazzjoni hi valida għar-residenti f’25 villaġġ lejn in-Nofsinar tal-Libanu – bil-militar Iżraeljan iwissi lil-Lebaniżi biex iżommu ‘il bogħod mill-istallazzjonijiet jew is-siti (depots) għall-armamenti tal-Ħeżbollah.

Kollox, sadanittant, qed jindika eżodu ta’ familji lejn l-artijiet fin-naħa ta’ fuq tax-Xmara Awali, viċin il-belt Lebaniża ta’ Sidon.

Fl-istess ħin, Iżrael kompla jirreġistra riżultati importanti f’din il-gwerra mal-Ħeżbollah. Dan fost rapporti li l-qawwiet tiegħu qatlu lil Khader Ali Tawil, kmandant ewlieni ieħor tal-Ħeżbollah.

Il-qtil ta’ Ali Tawil hu wkoll sinifikanti wara li l-Iżraeljani rnexxielhom jeliminaw lill-Mexxej Suprem tal-Ħeżbollah, Hassan Nasrallah, u kapijiet oħrajn tal-milizji Xiti.

Fil-fatt, Khader Ali Tawil kien strumentali fl-attakki riċenti fuq il-villaġġi lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael – l-istess bħal Muhammad Haidar u Hassan Nathir al-Ra’ini, żewġ kapijiet oħra tal-Ħeżbollah li wkoll kienu sfaw eliminati xi jiem ilu.

Il-Ħeżbollah ma kkummentax dwar il-qtil ta’ Ali Tawil u meta l-grupp tal-milizji qed iħejji biex jikkonferma grupp ġdid ta’ mexxejja ewlenin li jistgħu jkomplu bil-gwerra kontra Iżrael wara l-aħħar disfatti.