Manchester United u Aston Villa ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1 f’Villa Park. Spikkat il-prestazzjoni tad-difensur ta’ esperjenza Jonny Evans li kellu partita mill-aqwa minkejja li f’dawn l-aħħar partiti ma kienx qiegħed ikun fost l-ewwel ħdax ta’ Erik Ten Hag.
F’kummenti wara l-partita, il-kowċ Olandiż qal li jemmen li hu flimkien mat-tmexxija tal-klabb jinsabu fuq l-istess paġna u stqarr li kieku l-pożizzjoni tiegħu tinsab f’riskju t-tmexxija tal-klabb kienet tinfurmah.
Intant f’partita mill-isbaħ fl-Amex Stadium, Brighton wettqu rimonta u għelbu lil Tottenham 3-2. It-tim Ange Postecoglou fetaħ vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima b’gowl mingħand Brennan Johnson u James Maddison.
Ir-rimonta ta’ Brighton bdiet fit-48 minuta permezz ta’ Yankuba Minteh. Għaxar minuti wara Georginio Rutter għamilhom 2-2 biex fis-66 minuta kien Danny Welbeck li għamel l-iskor finali 3-2.
F’partita oħra fi Stamford Bridge, Chelsea u Nottingham Forest temmew fi draw ta’ 1-1. Kienu Forset li fetħu l-iskor fid-49 minuta permezz ta’ Chris Wood. Chelsea ġabu l-iskor indaqs fis-57 minuta permezz ta’ Noni Madueke. Nottingham Forest temmew il-partita bi plejer anqas meta tkeċċa James Ward-Prowse.
//= $special ?>