Lokali

Robert Abela jibqa’ jinsisti fuq “it-timeline” tal-Inkjesta tal-Vitals

Joħroġ kontra l-proposta tal-Ministru tat-Trasport

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jippersisti bin-narrattiva tat-timeline tal-Maġistrat Gabriella Vella b’rabta mal-għeluq tal-Inkjesta tal-Vitals.

Dan hekk kif il-Ħadd filgħodu l-Mexxej tal-Labour kompla jagħti x’jifhem u jallega minn kliemu li l-Maġistrat Vella kellha xi interessi ulterjuri biex tagħlaq l-inkjesta Vitals u sussegwentament jitressqu l-Qorti l-eks Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal-eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna….biex b’xi mod jew ieħor jiġi affettwat ir-riżultat elettorali tal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.

Narrattiva li kontinwament kien jimbotta matul il-kampanja elettorali flimkien ukoll mal-biża’ tal-babaw immaġinarju tal-establishment.

Fil-ftuħ tas-sena forensi saħansitra l-Prim Imħallef Mark Chetcuti kkundanna tali diskors li jpoġġi fil-periklu lill-ġudikatura, jew saħansitra jittanta jintimida jew ixekkel il-ġustizzja.

Il-Ħadd filgħodu, intervistat minn 3 ġurnalisti mill-PBS, MaltaToday u The Malta Independent – Abela insista fuq it-timeline, fl-istess waqt li qal li seta’ poġġa kliemu aħjar…f’nifs ieħor kompla jixħet id-dubji fuq il-ħidma tal-Maġistrat Gabriella Vella.

Mistoqsi fuq dak li qed iħasseb lill-poplu, ċioè l-għoli tal-ħajja, il-popolazzjoni u t-traffiku, Abela insista li wara r-riżultat elettorali tat-8 ta’ Ġunju – fehem l-inkwiet tal-familji Maltin u Għawdxin u għaldaqstant daħħal emenda qawwija fuq il-ħaddiema barranin li jaħdmu fuq il-food couriers u dawk tal-y-plates.

Fi kliem sempliċi ħafna farfar id-diżappunt tar-riżultat fuq dawn il-ħaddiema partikolari…u agħar minn hekk b’mod mill-aktar reattiv kif issa solitament jagħmel ħass biss li kellu jieħu azzjoni  għaliex tilef eluf ta’ voti.

Mistoqsi kif se jsolvi l-kriżi tat-traffiku Robert Abela kompla jgħid li l-ħinijiet tad-deliveries fost oħrajn m’għandhomx isiru fil-ħinijiet tar-rush hour ta’ filgħodu….wegħda li issa ilu jagħmel għal żewġ budgets infila.

U b’rabta mal-metro…li ftit tal-jiem qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali nefaq ftit aktar minn €400,000 minn but il-poplu biex jippreżenta dan il-proġett…issa qed jgħid li l-idea tal-Malta Metro ħadet pawża twila minħabba l-partiġjaniżmu.

Ironikament, qal li hemm bżonn ta’ qbil ukoll fis-settur tas-saħħa – minkejja l-appelli kontinwi tal-Partit Nazzjonalista biex il-Gvern isib soluzzjonijiet mill-aktar fis għal dawn iż-żewġ setturi li għaddejjin minn kriżi kontinwa.

Intant, ħareġ kontra l-Ministru tat-Traffiku Chris Bonett – meta qal li ma jaqbilx mal-kastigi wara li l-istess Bonett ħareġ bl-idea li s-sewwieqa jħallsu.