Sport

Iċ-champions tal-veterani jibdew bl-aħjar mod possibbli

Iċ-champions tal-VMFA Cisk Premier League MFPA bdew bl-aqwa mod possibbli l-impenji tagħhom staġjonali wara li għelbu lil Rabat Veterans 8-5.

L-iskorer prolifiku Michael Galea kien l-eroj għall-Malta Football Players Association hekk kif skorja erba’ gowls. Mill-banda l-oħra, Mark Barbara skorja doppjetta filwaqt li Gareth Sciberras u Julian Galea għaqqdu l-iskor għaċ-champions.

Rabat, friski mir-rebħ tad-David Cluett Memorial Cup, kellhom lil Adam Smeir jiskorja erba’ gowls b’Melvin Borg li żied ieħor għat-tim tiegħu.

Sadanittant. l-ikbar rebħa tal-ġurnata kisbu Birkirkara St Helen’s li għelbu lil Żurrieq Wolves 9-1.

Il-Karkariżi kienu fi klassi għalihom hekk kif Ayrton Buhagiar skorja erba’ gowls b’Daniel Scerri jkun l-awtur ta’ doppjetta u b’Colin Ciantar, Robert Perkins u Jeffrey Chetcuti li wkoll sabu x-xibka.

Beppe Muscat naqqas il-marġni tal-iskor għaż-Żrieraq.

Floriana Veterans iddominaw il-konfront tagħhom kontra Żejtun Red Stars tant li rebħu 6-0. Gianluca Calabretta skorja doppjetta filwaqt li Brian Said, Christian Cassar, Manolito Micallef u Glenn Bonello komplew jiskorjaw aktar gowls għall-Greens.

Anke Gżira United kellhom bidu pożittiv f’dan il-kampjonat wara li għelbu lil Hibernians 6-1. Daniel Bueno, Kevin Sammut, Jean Pierre Mifsud Triganza, Justin Grioli, Arthur Oyama u Dino Cachia kienu l-awturi tal-gowls tal-Maroons. Beppe Antignolo kien l-awtur tal-uniku gowl għall-Pawlisti.

KLASSIFIKA – VMFA CISK PREMIER LEAGUE

Birkirkara St Helen’s, Floriana FC, Gżira United, MFPA 3

Rabat, Hibernians, Żejtun Red Stars, Żurrieq Wolves 0