Lokali

“Il-fondi Ewropej għall-biedja għandhom l-ewwel jgħinu lill-bidwi, mhux imorru għand l-aġenziji tal-Gvern” – PN

Għalkemm qed joħorġu l-applikazzjonijiet għal proġetti li parti minnhom huma ffinanzjati minn fondi Ewropej, fil-maġġoranza tagħhom dawn qed jittieħdu mill-aġenziji governattivi minflok mill-bdiewa, ir-raħħala u l-proċessuri lokali.

Hekk qed jiġri b’waħda mill-ewwel sejħiet għall-applikazzjonijiet mill-fondi Ewropej tas-seba’ snin li ġejjin, fejn il-Gvern ħareġ sejħa għal proġetti b’nefqa totali ta’ €13.2 miljun, li €6.6 miljun minnhom huma fondi Ewropej, iżda applika huwa stess permezz tal-aġenziji tiegħu li se jkunu qed jibbenefikaw bi progetti tagħhom b’valur ta’ aktar minn €10 miljun.

Dan qaluh l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius u x-Shadow Minister ghall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina wara li ġew ikkuntattjati minn numru ta’ bdiewa u raħħala li għalkemm kellhom proġetti tajbin li ġabu l-punti kollha skont l-applikazzjonijiet maħruġa għall-Miżura 73.4, ġew infurmati li l-proġetti tagħhom mhux se jiġu finanzjati. Jirriżulta li l-fondi disponibbli ttieħdu minn aġenziji tal-Gvern li ressqu proġetti kbar u ħadu l-maġġoranza tal-flus allokati. Huwa tajjeb li aġenziji governattivi jkunu attivi u jkollhom biex jaħdmu, iżda l-għajnuniet prinċipali jridu jmorru biex isaħħu l-kompetitività tal-industrija u s-servizzi privati.

Inutli nattendu l-protesti tal-bdiewa u nwegħduhom li se nagħtu kashom biex wara ftit xhur ħallejniehom mingħajr l-appoġġ li tant għandhom bżonn biex jinvestu fil-prodott lokali Malti.

L-MEP Peter Agius u x-Shadow Minister Toni Bezzina għamlu appell lill-Gvern biex is-sejħiet għall-fondi Ewropej ikollhom capping tal-massimu tal-ammonti li jistgħu jingħataw lil proġetti pubbliċi. B’dan il-mod is-settur privat li jrid jinvesti, ma jiħux ix-xogħol li jippreżenta proġetti biex imbagħad jiskopri li ma baqax flus għall-proġett tiegħu għax ikunu ttieħdu minn proġetti tal-gvern.

Peter Agius u Toni Bezzina appellaw ukoll biex il-Gvern jikkunsidra minnufih li jżid il-fondi disponibbli mill-pakkett finanzjarju multi-annwali taħt il-Miżura 73.4 biex il-proġetti li ġew iġġudikati li kienu tajbin teknikament taħt l-aħħar skema jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi u jitwettqu. Dan għall-ġid tal-komunità kollha, għax mill-prodott lokali Malti jgawdi kulħadd, kemm il-konsumatur kif ukoll il-qasam tax-xogħol, fejn jistgħu jinħolqu impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità marbutin mal-prodott lokali Malti.

Il-Miżura 73.4 tikkonċerna fondi għall-ipproċessar tal-ikel prodott lokalment. Dan jinkludi proġetti bħall-għasir taż-żebbuġ, proċessar ta’ laħmijiet u produzzjoni ta’ prodotti tal-laħam, produzzjoni ta’ ġobon u prodotti tal-ħalib u prodotti konservati ta’ ħxejjex u frott. L-investiment fl-iproċessar tal-ikel prodott f’Malta u Għawdex huwa essenzjali biex il-bidwi u r-raħħal lokali jżid il-valur tal-prodott tiegħu qabel dan jitpoġġa fis-suq u b’hekk ikun jista’ jikkompeti aħjar mal-prodott impurtat. Dan huwa essenzjali wkoll għas-sigurtà tal-ikel tal-familji Maltin u Għawdxin. Minħabba li ngħixu fuq gżira għandna nassiguraw li ma niġux dipendenti internament mill-prodott impurtat.