Il-Partit Nazzjonalista qed jittama li fil-jiem li ġejjin il-Gvern jibda juri mġiba matura u attitudni aktar serja minn dik li wera sa issa lejn l-Oppożizzjoni u fuq kollox lejn il-Parlament. L-Oppożizzjoni se tkompli tinsisti għal trasparenza u serjetà assoluta, anke biex b’mod immedjat jiġu attwati l-bidliet meħtieġa biex il-Parlament jaħdem aħjar.
Dan intqal dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet barra l-bini tal-Parlament indirizzata mid-deputati Robert Cutajar u Paula Mifsud Bonnici, il-Whip u l-Assistent Whip tal-Oppożizzjoni rispettivament. Dan hekk kif illejla terġa’ tibda tiltaqa’ l-Kamra tad-Deputati wara l-pawsa għall-btajjel tas-sajf.
B’Ian Borg Viċi Prim Ministru u issa l-Kap tal-Kamra l-ġdid, it-tielet wieħed f’din il-leġiżlatura, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-proposti mressqa mill-Oppożizzjoni sa minn Lulju tal-2022 u oħrajn, jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat. Fost il-proposti li ilhom fuq l-ixkaffa hemm l-abbozz biex l-ambjent jiddaħħal fil-Kostituzzjoni ta’ Malta bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u dak biex jittieħdu miżuri biex titrażżan il-ħela tal-ikel.
Proposti oħrajn huma li:
- Il-Parlament Malti jiddedika sessjoni ta’ Domandi Parlamentari indirizzati lill-Prim Ministru u mwieġba mill-Prim Ministru. Din għandha ssir darba fil-ġimgħa. Din il-proposta hija msejsa fuq dak li jiġri fil-House of Commons fejn issir sessjoni darba fil-ġimgħa, kull nhar ta’ Erbgħa, imsejħa Prime Minister Question Time.
- Kull domanda Parlamentari għandha tigi mwieġba b’mod immedjat u mhux kif inhi s-sitwazzjoni llum fejn it-total ta’ domandi mressqa mid-deputati tal-Oppożizzjoni u li għadhom mhux imwieġba mill-Ministri jlaħħqu mat-832.
- Il-ġurnata/seduta li tkun riservata biex tiġi diskussa Mozzjoni tal- Oppożizzjoni m’għandhiex tibqa’ ssir biss darba (li tkun fil-jum tal-Ħamis) kull bejn tliet u sitt xhur, iżda għandha tibda ssir darba kull ġimagħtejn b’alternanza mal-Gvern. Is-sitwazzjoni fil-preżent hi li filwaqt li l-Oppożizzjoni tista’ tressaq biss sa massimu ta’ żewġ abbozzi ta’ liġijiet fis-sena, il-Gvern b’mod arroganti għażel li jonqos milli jressaq l-Ewwel Qari ta’ 14-il mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni.
- Għandu jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ Kumitat Permanenti Parlamentari għall-Ġustizzja. Dan il-Kumitat għandu jitwaqqaf immedjatament u jkun immexxi minn Chairperson innominat mill-Oppożizzjoni u jkollu l-maġġoranza ta’ rappreżentanti min-naħa tal-Gvern.
- Għandu jibda jiġi pprovdut servizz ta’ childcare fil-viċinanzi tal-bini tal-Parlament. Dan għandhom jibbenefikaw minnu mhux biss il-Membri Parlamentari iżda wkoll il-ħaddiema tal-Parlament kif ukoll il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jkunu stazzjonati fil-bini tal-Parlament.
- Ir-rapporti mressqa mill-Ombudsman, minn żmien għal żmien quddiem il-Parlament, għandhom jiġu diskussi fil-Plenarja f’terminu ta’ żmien maqbul bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra.
Filwaqt li se tibqa’ ffukata fuq il-ħidma tagħha fil-Parlament, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tinsisti wkoll li l-Gvern jieqaf jinsulenta l-intelliġenza tan-nies bil-mod kif uħud mill-Ministri u d-Deputati tiegħu jġibu ruħhom fil-Parlament. Il-poplu Malti u Għawdxi mhux biss jistenna aħjar iżda fuq kollox jixraqlu ħafna aħjar. Il-Gvern għandu l-obbligu li bis-serjetà jibda jirrispetta l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż.
//= $special ?>