Lokali

Il-Ministru Dalli tħalli lil Richard Bilocca CEO minkejja li akkużat b’rabta ma’ mewt li seħħet fl-2022

Lura f’Marzu, il-Ministru Miriam Dalli baqgħet tiddefendi lill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca, minkejja li sa dak iż-żmien kien għadu ma tressaqx il-Qorti akkużat li bi traskuraġni jew b’negliġenza wassal għall-mewt ta’ Joseph Ellul – każ li seħħ f’Mejju tal-2022. Dakinhar hi baqgħet tisħaq li kulma konna rajna kienu estratti.

Seba’ xhur wara – Richard Bilocca laħaq tressaq il-Qorti fejn fost oħrajn kien akkużat formalment bi qtil involontarju tal-ħaddiem ta’ 38 sena.

Iżda minkejja dan, Miriam Dalli għadha ma ħaditx id-deċiżjoni li tissospendi lill-Kap Eżekuttiv u wisq inqas hu ma ħass il-ħtieġa li jissospendi lilu nnifsu sakemm inaddaf ismu.

It-Tnejn filgħodu, staqsejna lill-Minsitru hux se tkun qed tieħu xi deċiżjoni b’rabta ma’ dan il-każ serju… issa li mhemmx biss estratti tal-inkjesta maġisterjali, iżda akkużi formali quddiem il-Qrati tal-pajjiż… b’Dalli tisħaq li Bilocca se jibqa’.

Dan minkejja li fil-każ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, instema’ kif l-Inkjesta sabet nuqqasijiet fil-miżuri tas-sigurtà, kif ukoll nuqqas ta’ miżuri protettivi fil-lift fejn seħħ l-inċident.

Tul l-investigazzjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali, Bilocca allegatament qal li l-mewt kienet ikkaġunata minn att stupidu.