Il-PN illum reġa’ appella lill-gvern biex jekk verament jemmen li s-soluzzjoni fil-Lvant Nofsani hi li jkun hemm l-Istat Palestinajn u dak Iżraeljan, allura m’għandux ikollu problema li jirrikonoxxi l-Istat Palestinjan.
Dan l-appoġġ għamlu x-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affariiet Barranin Beppe Fenech Adami meta llum kien qed jitkellem fil-Parlament dwar is-sitwazzjoni ta’ gwerra fil-Lvant Nofsani wara stqarrija ministerjali tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg.
Fit-tweġiba tiegħu għall-appell tad-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, il-Ministru Ian Borg ma qal xejn dwar ir-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan.
Fl-istqarrija Ministerjali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg qal li l-attakk tal-Ħamas sena ilu ġab il-kundanna ta’ kulħadd, inkluż ta’ Malta, u sostna li l-ostaġġi Iżraeljani miżmuma mill-Ħamas għandhom jinħelsu. Hu appella biex ikun hemm djalogu bejn il-partijiet u biex il-paċi tirrenja fuq il-vjolenza. Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani tinsab f’kollass, sostna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, li appella għall-waqfien immedjat mill-ġlied mir-reġjun kollu.
Il-Libanu qed ikollu jsofri l-konsegwenzi ta’ din il-gwerra, sostna l-Ministru Ian Borg, li appella biex ir-regoli internazzjonali jkunu segwiti. Bħalissa hemm 10 ċittadini Matin fil-Libanu u l-Gvern qed jaħdem biex jekk dawn ikunu jrdu jiġu Malta jingħataw l-għajnuna kollha.
Iżrael għandu dritt jiddefendi lilu nnifsu iżda r-reazzjoni għandha tkun proporzjonali, sostna d-Deputat Prim Ministru, li appella biex l-UE tassigura li l-għajnuna titwassal fiz-zoni. Hu qal li r-reġjun hu eqreb lejn gwerra reġjonali, aktar minn qatt qabel. Id-Deputat Prim Ministru qal li Malta tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex ikunu kawti fl-azzjonijiet tagħhom.
Hu sellem lill-FAM fil-Libanu u qal li dawn li jinsabu tajbin; il-pajjiż għandu jkun kburi bil-ħidma f’din il-missjoni fil-Libanu.
Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami kkundanna l-attakk terroristiku tal-Ħamas f’Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, fejn inqatlu 1,200 Iżraeljan u ttieħdu 250 ostaġġ, li minnhom hemm iktar minn 100 li għadhom miżmuma. Beppe Fenech Adami qal li l-PN jikkundanna l-attakk tal-Ħamas sena ilu.
Il-konsegwenzi ta’ dak li seħħ sena ilu kienu devastanti għall-poplu Palestijan u għal dak ta’ Iżrael, u llum, sena wara, il-poplu Palestinjan f’Gaza għadu jsofri minn din it-traġedja li fiha nqatlu 40,000 Palestinjan li minnhom 6,000 huma nisa. Iżrael għandu dritt jiddefendi lill-poplu tiegħu iżda dan id-dritt mhuwiex liċenzja biex toqtol nies innoċenti bl-eluf.
Beppe Fenech Adami qal li llum hawn eskalazzjoni tat-traġedja; issa fil-Libanu, fejn il-poplu qed isofri minn traġedja b’mod innoċenti. Din hi gwerra li tista’ tinferex fil-Lvant Nfosni li fiha kien hemm ukoll attakki mill-Iran u minn Iżrael. Din il-gwerra qed thedded il-paċi fir-reġjun u għad-dnija. Il-PN jikkundanna lill-Ħeżbollaħ u lill-Iran u jinsisti li Iżrael m’għandux jattakka nies ċivili u innoċenti.
L-ikbar periklu hu li l-gwerra ssir normali b’element ta’ vendetta. Is-soluzzjoni għandha tkun waħda politika u dejjiema, sostna Beppe Fenech Adami, li kompla li l-PN qed jappella għall-waqfien mill-ġlied b’mod immedjat u biex l-ostaġġi jinħelsu.
Il-PN jemmen fi stat Palestinjan u stat Iżraeljan, u appella lill-Gvern Malti biex kif għamlu diversi pajjiżi, jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina. X’jiswa li jsiru d-diskorsi fuq żewġ stati, Malta għadha ma rrikonoxxietx lil wieħed minn dawn l-istati? Il-PN hu lest li jagħti l-appoġġ lill-Gvern għal kull inizjattiva li jista’ jieħu favur il-paċi u sellem lis-suldati Matin li jinsabu fil-Libanu; dawn jagħmluna kburin.
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus staqsa x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar l-istqarrija tal-President Franċiż li Iżrael m’għandux jingħata iktar armi. Hu staqsa wkoll x’informazzjoni għandu l-gvern Malti dwar il-ftehim fuq l-ostaġġi u x’sehem tista’ tagħti Malta f’dan ir-rigward.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg wieġeb biss li fil-kostituzzjoni, Malta għadha speċifikat li hi militarment newtrali.
‘
//= $special ?>