Statistika ppubblikata f’dawn il-ġranet tikkonferma t-tendenza tal-prezzijiet ta’ residenzi dejjem tilgħin, bil-Gvern, bħalma għamel f’dawn l-aħħar 11-il sena, ikun biss reattiv u ħafna drabi sempliċiment jżid aktar il-burokrazija.
Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Stanley Zammit u Ivan Bartolo, il-Partit Nazzjonalista spjega kif skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Proprjetà Residenzjali f’Malta (RPPI) – li jinkludi djar, appartamenti u maisonettes – jindika żieda sinifikanti ta’ 7% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
L-istħarriġ tal-Eurobarometer juri li Malta esperjenzat żieda annwali ta’ 4.6% fil-prezzijiet tal-proprjetà, flimkien ma’ żieda kbira ta’ 17.5% fil-kirjiet. Matul l-aħħar 15-il sena, il-prezzijiet tal-proprjetà telgħu b’62.6%, filwaqt li l-kirjiet żdiedu b’56%.
Dan kompla jiggrava l-kriżi tal-affordabbiltà kemm għar-residenti lokali kif ukoll barranin, għax għalkemm kif juri studju ieħor ippubblikat minn KPMG aktar kmieni din is-sena l-prezz medju ta’ appartament irdoppja fl-aħħar għaxar snin, is-salarji ma żdidux bl-istess rata.
Minkejja li r-rati tal-imgħax f’Malta niżlu, iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-proprjetà kkanċellat kwalunkwe benefiċċji potenzjali. Anke jekk setgħu għenu xi ftit, l-iskemi tal-gvern ma indirizzawx kompletament il-kriżi dejjem tikber fil-propjetà tad-djar. Bil-prezz medju tal-proprjetà issa jaqbeż l-€217,000, id-depożitu meħtieġ ta’ 10% jibqa’ ostaklu sinifikanti għal ħafna xerrejja prospettivi, speċjalment dawk li m’għandhomx għajnuna finanzjarja mill-familja.
Dan kollu huwa fl-istess linja ta’ dak li qed joħroġ mid-djalogu kontinwu li l-Partit Nazzjonalista, immexxi mill-Kap tal-PN Bernard Grech, qed ikollu mas-settur. Hu stmat li għal kull seba’ appartamenti li jinbiegħu, il-bejgħ ta’ wieħed minnhom imur għall-ispejjeż relatati mal-proċessi burakratiċi eċċessivi tal-ippjanar, tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u tal-ħafna entitajiet pubbliċi oħra.
Gvern ġdid Nazzjonalista huwa impenjat li, apparti miżuri innovattivi fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, se jkun qiegħed jirriforma radikalment il-proċeduri relatati mal-permessi billi jattwa bil-fatti l-kunċett ta’ one-stop shop, jissimplifika u jħaffef il-proċessi u jnaqqas l-ispejjeż li fl-aħħar mill-aħħar qed ibatihom il-konsumatur.
//= $special ?>