Id-Duka u Dukessa ta’ Edinburgh jinsabu f’pajjiżna, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed jimmarkaw għeluq is-60 sena minn minnu pajjiżna sar stat sovran.
Il-Prinċep Edward flimkien mal-mara tiegħu Sophie, għamlu żjara ta’ kortesija lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-Palazz tal-Granmastru, fil-Belt Valletta. U eżatt wara, żaru Kastilja.
Din iż-żjara minn ħu r-Re qed issir fis-sena li fiha Malta qed tfakkar dan l-anniversarju importanti – meta pajjiżna ma baqax kolonja Ingliża u sar stat sovran u indipendenti.
L-Ingliżi kienu ilhom jokkupaw lil pajjiżna sa mill-bidu tas-Seklu 19.
Kienet frott il-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista mmexxi mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Ġorġ Borg Olivier li Malta saret stat indipendenti – b’kostituzzjoni u Gvern Malti. Kisba li għadna naraw il-frott tagħha anke 60 sena wara u li ġabet kisbiet oħra magħha; fosthom is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prinċep Edward huwa r-raba’ wild tar-Reġina Eliżabetta II – cioè l-iżgħar fost l-aħwa tar-Re Karlu III. Huwa patrun ta’ aktar minn 70 organizzazzjoni, inkluż l-Assoċjazzjoni Britannika tal-Isport Paralimpiku.
Bħala membru tal-Familja Rjali hu ngħata t-titlu ta’ Duka ta’ Edinburgh is-sena li għaddiet.
Malta baqgħet b’rabta storika u kulturali qawwija ferm ma’ dak kollu li huwa Britanniku; inkluż mal-familja Irjali. U diversi membri ta’ din il-familja, tul is-snin, żaru pajjiżna għal okkażjonijiet diversi.
//= $special ?>