Internazzjonali

Ir-Russja: Ħabs għal ‘merċenarju’ Amerikan ta’ 72 sena’ wara li ġġieled fuq in-naħa tal-Ukreni

Qorti fir-Russja kundannat Amerikan ta’ 72 sena biex jiskonta kważi seba’ snin ta’ priġunerija talli hu, allegatament, iġġieled fl-Ukrajna bħala ‘merċenarju’ fuq in-naħa tal-Armata tal-President Ukren Volodymyr Zelensky.

Il-prosekuturi qalu li l-ikkundannat,  Stephen James Hubbard, kien qed jagħti servizz militari fil-belt Ukrena ta’ Izyum meta spiċċa f’idejn it-truppi Russi f’April tal-2022 – ftit wara li l-Armati tal-Kremlin kienu invadew lill-Ukrajna.

Il-Prosekutur Ġenerali Russu, qabel is-sentenza, qal li Hubbard kien jingħata kumpens bi ħlas ‘u b’mod sistematiku’ għall-appoġġ lill-Ukreni minn aspett militari,

Dan meta s-sentenza ta’ ħabs uffiċjali għal Hubbard hi stabbilita ma’ sitt snin u għaxar xhur u fejn hu, ‘il quddiem, se jkun qed jinżamm f’kumpless qalb zona remota riservata għall-priġunieri ‘eżiljati u li qed jinżammu apposta ‘il bogħod mill-popolazzjoni ġenerali’

Il-media fir-Russja qalet ukoll li Hubbard, li għex għal ħafna żmien fl-Istat Amerikan ta’ Michigan, ammetta l-ħtija għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.