Lokali

“L-għaqda nazzjonali hi kruċjali fil-ġlieda lit-Tibdil fil-Klima”- Eve Borg Bonello

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, idea li l-PN ilu jixpruna u jimbutta sa mill-2019, meta l-istess Partit Nazzjonalista kien ressaq mozzjoni fil-Parlament u ż-żewġ naħat tal-Kamra vvutaw biex tiġi dikjarata emerġenza klimatika.

Il-Partit Nazzjonalista innota diversi ideat u emendi li ġew aċċettati min-naħa tal-Gvern, u oħrajn li ġew implimentati abbażi ta’ kompromess, biex tissaħħaħ il-ħidma tal-awtorità u l-kunsill. Dan kollu għaliex għarfu l-urġenza tas-sitwazzjoni u kif fil-preżent mhux qed isir biżżejjed biex jikkumbatti t-Tibdil fil-Klima.

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed iħares ’il quddiem għal ħidma fuq bażi nazzjonali u mhux partiġjana, saħaq li ser jikkommettu ruħhom li jkunu verament watchdog u jassiguraw li jkun hemm sistema ta’ checks and balances fuq il-ħidma tal-awtorità, biex jiżguraw li din il-ħidma ma tkunx eżerċizzju ta’ greenwashing imma waħda li verament twassal għal deċiżjonijiet kuraġġużi u innovattivi li jiżguraw futur nadif u mixja lejn in-newtralità klimatika għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.