Lokali Parlament

L-Uffiċċju tal-AĠ għandu jispjega fil-pubbliku ċertu deċiżjonijiet


– Karol Aquilina, PN


Ix-Shadow Minister tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina sostna li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (AĠ) għandu jispjega fil-pubbliku ċertu deċiżjonijiet li jkun ħa partikolarment meta jiddeċiedi li ma jittiħdux passi kirminali kontra persuni.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Karol Aquilina tkellem dwar ir-rwol tal-Avukat Ġenerali bħala Uffiċjal Prosekutur Ewlieni fil-pajjiż fejn l-AĠ għandu jiddeċiedi waħdu u ma jkun hemm ħadd li ma jifluwenzah. Mhux aċċettabbli li xi ħadd jipprova jinfluwenza lill-AĠ jew li l-AĠ jiddeċiedi li għal raġuniet politiċi ma jiħux passi kontra persuni jew jieħu passi kontra persuni oħra.

Min hu fil-poter m’għandux jipprova jikkontrolla jew jinfluewenza lill-AĠ għal raġunijiet politiċi, kif iseħħ f’Malta. Għalhekk, ir-raġunijiet ta’ deċiżjonijiet tal-AĠ għandhom ikunu spjegati. Anki l-indipendenza tal-AĠ tagħti d-dritt lill-istess AĠ li tingħata spjega u rendikont dwar id-deċiżjonijiet.

F’pajjiżi oħra, uffiċjali pubbliċi bħall-AĠ jispjegaw id-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu. F’Malta, l-AĠ ma titkellem qatt u ma tispjega xejn; dan hu nuqqas kbir. Il-poplu għandu d-dritt ikun jaf kif qed ikun eżerċitat il-poter tal-AĠ.

Karol Aquilina qal li l-inkjesti maġisterjali huma sigrieti li meta jitlestew imorru għand l-AĠ biex jiddeċiedi jekk isegwix ir-rakkomandazzjonijiet tal-maġistrat inkweranti. Hu qal li wasal iż-żmien li f’inkjesti maġisterjali ta’ interess pubbliku, l-AĠ jiddikjara li jkun irċieva l-inkjesta maġisterjali. Jeħtieġ li jkun hemm responsabilizzazzjoni biex tinqata’ l-ispekulazzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-AĠ għandu l-poter li ma jiħux passi kontra persuni indikati. Wasal iż-żmien li d-deċiżjonijiet dwar maħfriet jibdew isiru pubbliċi. L-Eks Ministru tal-Ġustizzja Tonio Borg kien jippubblika l-lista tad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu mill-AĠ biex ma jiħdux passi kontra xi persuni. Dan kien seħħ ukoll taħt il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. Fl-24 ta’ Ottubru 2022, Karol Aquilina għamel l-istess mistoqsija lill-Ministru Jonathon Attard, iżda dan il-ministru jirrifjuta li jagħti din l-informazzjoni.

Din il-prattika għandha tinbidel fejn l-AĠ jista’ jagħti maħfra li ma jkunx jaf ħadd dwarha. Jeħtieġ jinstab mod kif is-sitwazzjoni ta’ abbuż mis-sistema tinbidel, appella Karol Aquilina, li qal li l-Uffiċċju tal-AĠ għandu jiffunzjona bl-aktar mod indipendenti u responsabbli.

Karol Aquilina qal li fil-ftuħ tas-sena forensi, il-Prim Imħallef ikkundanna lill-gvern fuq diversi elementi dwar il-Qorti. Is-sistema fil-Qorti sejra għall-agħar, sostna Karol Aquilina, li kompla li hemm kriżi fost l-istudenti tal-liġi għax ħadd ma jrid ikun jaħdem il-Qorti.

Hemm biss maġistrat wieħed li għandu 8,401 proċedura pendenti quddiemu u 2,588 kawża tat-traffiku quddiem. Dan hu unanimament impossibbli. Maġistrat ieħor b’1,483 kawża dwar vjolenza domestika quddiemu sal-aħħar ta’ Awwissu. Maġistrat ieħor għandu 1,347 kawża tad-distrett pendenti quddiemu.
Karol Aquilina qal li hemm ħames imħallfin li għandhom iktar minn 500 kawża pendenti quddiemhom, waqt li sitt imħallfin oħra għandhom bejn 400 u 500 kawża pendenti. Il-Qorti Kostituzzjonali għandha 323 kawża pendenti quddiemha.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li s-sitwazzjoni fil-Qorti hi waħda li taqta’ qalb in-nies. Hu qal li jkun inutli jekk terġa’ titwaqqaf il-Qorti tal-Kummerċ jekk din se ġġorr magħha l-istess problemi ta’ nuqqas ta’ riżorsi adegwati. Huma diversi l-problemi li hemm fosthom it-traskrizzjonijiet tax-xhieda, li tista’ tissolva billi titwaqqaf aġenzija.

Dwar il-maġistrati inkwerenti, id-deputat Nazzjonalista qal li dawn tħallew bla riżorsi u bla spazju fil-Qorti. Il-ħatra ta’ dawn il-maġistrati inkwerenti ma saritx bl-emendi għall-Kodiċi Krimiminali skont il-liġi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li appella biex din tissolva u ma jinħolqux problemi. Hemm wisq problemi li ilhom jakkumulaw u tħallew fuq l-ixkaffa, sostna Karol Aquilina.