Il-qbil u konverġenzi bejn il-Partit Nazzjonalista u l-MHRA huma ċari – it-tnejn jaqsmu viżjoni għall-pajjiżna simili għal xulxin – viżjoni li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-famlji Maltin u Għawdxin, għall-ħaddiema u aktar minn hekk ittejjeb l-esperjenza tat-turist f’pajjiżna.
It-Tnejn waranofsinhar l-MHRA laqgħet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fl-uffiċċji tagħha, bi tħejjija għall-budget li se jiġi ppreżentat fit-28 ta’ dan ix-xahar. Bil-Kap tal-PN jiddiskuti mal-MHRA bosta aspetti ekonomiċi u turistiċi.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Tony Zahra tkellem dwar it-tħassib ta’ sigurtà fil-pajjiż, u saħaq li din qed tinkwetah ħafna – hekk kif insista li qed jiżdiedu n-nies barra fit-toroq li mhux qed jagħmlu l-esperjenza tat-turist pjaċevoli – kemm bi ġlied fit-toroq, kif ukoll droga. U għaldaqstant tkellem dwar il-ħtieġa ta’ rinfurzar.
Zahra semma’ wkoll dik li sejħilha bħala problema kbira ta’ ndafa – u kemm huwa ta’ bżonn li ma nibqgħux inħallu pajjiż fil-ħmieġ.
Il-President tal-MHRA esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-kwistjoni tal-kannabis fil-Gżejjer Maltin qed tkun ta’ problema hekk kif insista li ma jixtieqx li pajjiżna jibda jilqa’ turisti li jridu biss jieħdu d-drogi.
Huwa tenna li l-aħjar reklam għal pajjiż jagħmlu t-turist meta jmur lura pajjiżu, u dan jaf mhux qed ikun il-każ.
Dan filwaqt illi insista li fl-aħħar snin il-flus saru kollox, u li l-gżejjer tagħna huma mmexxija minn minoranza żgħira li jridu jdawru l-flus malajr bl-inqas xogħol possibbli.
Intant, tkellem dwar tħassib serju f’dak li għandha x’taqsam il-linja tal-ajru – fejn stqarr li hija inkwetanti li r-Ryanair għandha dominju assolut fid-dħul ta’ turisti f’pajjiżna. U insista dwar il-bżonn ta’ tisħiħ tal-linja tal-ajru nazzjonali.
Zahra qal li Malta ma tiflaħx għal aktar u aktar nies, u t-tkabbir ekonomiku ma jistax jibqa’ bbażat fuq il-kwantità imma fuq il-kwalità.
Ma’ Net News Tony Zahra insista dwar il-bżonn ta’ viżjoni għall-10 snin li ġejjin biex verament ikollna settur turistiku immaniġġjat mill-Gvern b’mod serju… kif ukoll il-bżonn ta’ investiment fl-infrastruttura.
L-MHRA insistiet li sfortunatament dan il-pajjiż fl-aħħar snin beda jitlef is-sbuħija tiegħu, anke fil-binjiet hekk kif il-kilba tal-kummerċjalizzazzjoni qed ittellef mis-sabih. Dan filwaqt illi ntqal li jekk verament irridu nbiddlu d-direzzjoni, irridu nkunu innovattivi.
Minn naħa l-oħra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu obbligu li joffri direzzjoni u viżjoni ċara li jridu jkunu pari passu ma dak li jsir. Huwa stqarr li ma jistax ikollok problema ta’ ġbir ta’ skart, irwejjaħ, u kundizzjonijiet ħżiena.
Tul il-laqgħa tkellmu wkoll dwar il-fatt li fl-aħħar xhur ma rawx rieda politika li l-viżjoni għal pajjiż tinbidel… minkejja l-appelli.
Bernard Grech saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista biss jista’ jagħti garanzija tar-rieda li dak li hemm bżonn isir jitwettaq – għaliex huwa biss Gvern Nazzjonalista li huwa liberu li jmur f’din id-direzzjoni.
Matul din il-laqgħa fejn l-MHRA preżentaw il-proposti tagħhom għall-budget, jakkumpanjaw lil Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien hemm ix-Shadow Ministers Rebekah Borg, Mario de Marco kif ukoll Jerome Caruana Cilia.
//= $special ?>