Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab deċiż li ma jaqtax it-taxxa mill-għajnuna tal-COLA. Dan hekk kif minkejja l-appelli tal-imsieħba soċjali, minkejja l-appell tal-Partit Nazzjonalista – il-Mexxej tal-Labour qed jibqa’ jirreżisti li jaqta’ din it-taxxa minn fuq l-għajnuna tal-COLA li tingħata lill-impjegati minn min iħaddem; għajnuna li suppost il-ħaddiema qed jieħdu b’mod sħiħ.
Ma’ Net News, il-Prim Ministru ta x’jifhem b’mod ċar li mhux se jkun qed ineħħi din it-taxxa. U nfexx biss fi kritika lejn il-Partit Nazzjonalista… li fl-aħħar jiem preżenta numru ta’ proposti biex jitnaqqsu t-taxxi.
Intant, wara dak li kiteb Jason Micallef, Net News staqsa direttament lil Robert Abela… li l-ewwel ta x’jifhem li bħal donnu ma qrax il-post tiegħu, biex imbagħad spiċċa jghid li se jwettaq il-proġetti li hemm pendenti – inkluż tat-trakka.
U filwaqt li Jason Micallef saħaq li s-surveys ma jigdbux, u fil-jiem li għaddew il-Ministru Clyde Caruana saħaq li jemmen li l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huma ferm viċin… Robert Abela qed jisħaq li skont iċ-ċifri li għandu hu, l-istħarriġ tal-MaltaToday – dak li poġġa lill-Partit Nazzjonalista minn fuq skont il-mera tal-mument – huwa żbaljat b’mod totali.
//= $special ?>