Internazzjonali

Sena wara l-massakri storiċi f’Iżrael: Il-gwerra baqgħet intensiva fuq diversi fronti

Illum, it-Tnejn, jaħbat l-anniversarju iswed ta’ meta t-terroristi tal-grupp Palestinjan Ħamas invadew lil Iżrael u qatlu u ferew il-mijiet ta’ nies innoċenti….Azzjoni li qanqlet il-konflitti mifruxin fuq diversi fronti u sal-punt fejn il-Lvant Nofsani issa nbidel f’ħuġġieġa waħda ta’ dmija u inċertezza.

Fil-preżent, l-attenzjoni tad-dinja qed iddur fuq it-traġedja li żviluppat fil-Libanu u fejn qed tiżvolġi gwerra kważi totali bejn Iżrael u l-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah, alleati mal-Iran.  Intant, il-poplu Iżraeljan, fl-aħħar sigħat, ingħaqad xorta f’ċerimonji ta’ talb u attivitajiet oħra biex ifakkru lill-1,200 maqtula mill-Ħamas waqt l-attakki tas-7 ta’ Ottubru u fejn anki kienu ħatfu mat-300 ostaġġ.

U fl-aħħar sigħat ukoll, il-qawwiet tal-ajru tal-Iżraeljani komplew jattakkaw il-bażijiet tal-Ħeżbollah fil-Libanu – u bil-milizji Xiti jisparaw xita oħra ta’ missili lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Dan fost rapporti li l-missili tal-Ħeżbollah wettqu l-ħsarat f’xi 60 appartament, u fejn ma rriżultawx il-vittmi – bil-Ħeżbollah anki jisparaw missili oħrajn kienu laqtu lill-belt Iżraeljana ta’ Haifa.

Skont ir-rapporti, għaxar persuni ndarbu mill-missili tal-Ħeżbollah sparati lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael – u meta l-Ħeżbollah, issa, faħħru l-attakki tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas fuq l-Iżraeljani bħala ‘azzjoni erojka’. Il-milizji Lebnaniżi sostnew wkoll li huma fidiċjużi li kapaċi jirreżistu għall-attakki konsistenti ta’ Iżrael fuq arthom,

Intant, mietu talanqas għaxar membri ta’ skwadra inkarigata mit-tifi tan-nirien fost l-attakki tal-Iżraeljani fuq l-inħawi qrib Bint Jbeil, viċin il-fruntiera Lebaniża ma’ Iżrael. U waqt li kienu qed jittellgħu l-katavri mit-tifrik tal-bini, l-Iżraeljani qalu li huma kienu qed jimmiraw għal ċentru tal-kmand tal-Ħeżbollah, anki waqt li l-Gvern Lebaniż qal li l-missili laqtu bini muniċipali fid-distrett ta’ Baraachit.

Fl-istess ħin, il-militar Iżraeljan qed ikompli bl-azzjonijiet fuq diversi fronti u meta fil-jiem li ġejjin għandu jattakka aktar miri tal-Ħeżbollah u l-Ħamas. Dan fost it-twissijiet biex ir-residenti fit-Tramuntana ta’ Gaza jevakwaw mill-inħawi lejn iz-zoni ‘aktar sikuri’ – bit-truppi Iżraeljani qed imexxu l-azzjonijiet ‘b’qawwa kbira’ f’zoni bħal Beit Hanoun, Jabalia u Beit Lahia f’Gaza.

Min-naħa tagħhom, it-terroristi tal-Ħamas assumew responsabbiltà għall-isparar tal-missili miz-zona ta’ Khan Younis lejn il-belt prinċipali Iżraeljana ta Tel Aviv – u bir-riżultat li ndarbu żewġ nisa.

Sadanittant, eku traġiku ieħor tal-gwerra ta’ Gaza inħass ukoll f’Ġerusalemm meta l-qraba tal-ostaġġi li qed jinżammu mill-Ħamas wettqu protesta kommoventi qrib ir-residenza tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu.

It-talba prinċipali ta’ dawn in-nies kienet biex Iżrael ‘ma jabbandunax aktar lill-għeżież tagħhom’ u biex jasal għal ftehim mal-Ħamas li għandu jsalva, almenu, numru ta’ Iżraeljani li għalqu sena fi stat ta’ priġunerija.