Lokali

Wieħed mill-aqwa staġuni għall-konservazzjoni tal-fekruna f’Malta

Wara xhur ta’ sforzi dedikati, l-istaġun tal-bejtiet tal-fkieren tal-2024 intemm b’suċċess. Illum, Nature Trust Malta (NTM) u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi (ERA) fetħu l-bejta finali, bejta numru 7, iżda din ma rrendietx fkieren ħajjin minħabba fatturi naturali.

Minkejja dan, l-istaġun kien wieħed pożittiv ħafna, fejn ġew stabbiliti rekords ġodda għall-konservazzjoni tal-fekruna f’Malta. B’kollox ġew ikkonfermati tmien bejtiet – aktar minn kwalunkwe
sena preċedenti – li rriżultaw f’594 bajd u 406 fekruna.

Dawn ir-riżultati jenfasizzaw is-suċċess kontinwu tal-inizjattivi ta’ konservazzjoni u r-riżultati
b’saħħithom joffru inkoraġġiment għal staġuni futuri ta’ bejtiet. Dan l-għadd kbir ta’ bejtiet u s-suċċess tal-istaġun huwa riżultat tax-xogħol li qed isir mill-ERA u entitajiet oħra, inklużi NGOs bħal Nature Trust Malta.

Nature Trust Malta u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi jixtiequ jesprimu l-gratitudni tagħhom lill-entitajiet kollha involuti, kif ukoll lill-pubbliku għall-kooperazzjoni u l-appoġġ tagħhom matul dan l-istaġun.