Raġel ta’ 38 sena mill-Gżira u li għandu problema ta’ droga, ġie kkundannat 44 xahar ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li nstab ħati li fit-13 ta’ Frar tal-2019 għall-ħabta tad-9pm, seraq flus kontanti minn ħanut fil-Mosta, li kiser ordni ta’ probation u li sar reċidiv.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Matthew Camilleri ilu mal-20 sena fit-triq tas-serq u minkejja li ngħata diversi opportunitajiet mill-Qorti, baqa’ għaddej jisraq u jikser il-liġi. L-Ispettur Godwin Scerri spjega fil-Qorti kif l-Għassa tal-Qawra rċeviet rapport kif fil-ħanut Maypole Confectionery, fil-Mosta, xi jumejn qabel, kien safa misruq ammont ta’ flejjes mill-cash register.
Għalhekk hu mill-ewwel talab għal CCTV footages u minn fuqhom lemaħ l-imputat, persuna magħrufa mal-Pulizija, jistenna lit-tfajla wara l-counter tidħol ‘il ġewwa biex hu minnufih dawwar idejh għall-cash register u fetaħ il-kexxun minn fejn seraq ammont ta’ flus, ċirca €350.
Huwa esebixxa tali filmat u esebixxa wkoll 14-il ritratt, stills mill-footage, li fihom jidher tassew l-imputat jaċċedi għall-cash register. L-Ispettur Scerri qal kif ċertu Daniela Grech għamlet rapport li jumejn qabel kien daħal persuna fil-ħanut fejn taħdem u wara li stenna li tinqeda u titlaq mill-ħanut persuna oħra, staqsiha jbigħux tape għaliex ried jagħlaq xi kaxxa li kellu fil-vettura tiegħu. Ghalkemm ma kinux ibigħu tape u biex tgħinu tagħtu tape dispenser u hu ħareġ mill-ħanut.
Kif ma kien hemm ħadd fil-ħanut, daħħlet fl-uffiċċju u bagħtet email, u kif ħarġet sabet l-istess persuna li rritorna t-tape dispenser. Dan kien għall-ħabta tad-8:54pm. Malli ġiet biex taqdi klijent ieħor innotat flus maqlugħin minn posthom fil-cash register u hemm intebħet li kienet ġiet misruqa.
Mis-CCTV innotat lil dak li staqsa għat-tape, kien wettaq is-serqa malli hi daħħlet tibgħat l-email, jiftaħ il-kexxun tal-cash register u jieħu flus kontanti li jammontaw għal €350. Hi semmiet kif setgħet tidentifika l-imputat fuq il-filmat mill-ħwejjeġ u żarbun li kien liebes. Fis-silta tal-filmat jidher l-imputat joħroġ u jieqaf għal ftit sekondi u jħares lura lejn il-ħanut jidher ċar wiċċu.
Fuq filmat ieħor, jidher l-imputat iħalli l-ħanut fejn fl-istess ħin idaħħal idu fil-but ta’ wara. M’hemmx dubbju dwar l-identifikazzjoni tiegħu, Camilleri jidher jistenna bit-tape dispenser mal-cash counter u ftit sekondi jidher jiftaħ il-kexxun tal-cash register, idaħħal idejh fil-cash u jieħu karti tal-€20. Fuq filmat ieħor jidher minn angolu differenti jagħmel l-istess manuvra b’wiċċu dejjem għassa lejn in-naħa ta’ wara tal-ħanut, semgħet il-Qorti.
Il-Qorti, fil-konsiderazzjonijiet tagħha dwar piena, qieset il-karattru refrattarju tal-imputat, li minkejja li ngħata numru ta’ opportunitajiet biex jirriabilita ruħu, baqa’ ma weriex impenn veru biex jagħmel dan iżda għażel li jwarrab l-għajnuna u minflok imbarka fuq karriera ta’ serq li bdiet sa mill-2004.
Il-Qorti kkunsidrat li fiż-żmien tar-reat li dwaru nstabet ħtija, l-imputat kien qed isegwi programm biex jegħleb il-vizzju tad-droga. Il-Qorti qalet li qed titratta mal-ħati dwar l-imputazzjonijiet li dwarhom instab ħati fit-22 ta’ Jannar, 2018, daqslikieku għadu kemm ġie dikjarat ħati u konsegwentement qed tikkonferma s-sejbien ta’ ħtija kif jirriżulta minn dik l-imsemmija sentenza u tikkundannah għal sena priġunerija.
B’hekk l-imputat għandu jservi b’kollox erbgħa u erbgħin (44) xahar priġunerija li minnhom għandu jitnaqqas iż-żmien li l-imputat għamel taħt arrest preventiv inkonnessjoni ma’ dan il-każ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri.
//= $special ?>