Għalliem fis-Seminarju tal-Arċisqof ir-Rabat, għamel skoperta inkwetanti t-Tnejn 7 ta’ Ottubru 2024, waranofsinhar. Wara li sema’ tħaxwix fl-arbuxxelli tal-iskola, sab kuċċarda midruba b’tir ta’ senter. Wara li ma rnexxilux jagħmel kuntatt mat-Taqsima tal-Ħarsien Ambjentali (EPU), ċempel lill-BirdLife Malta, li malajr bagħtet tim biex jiġbor l-għasfur u joħduh għand veterinarju.
Dan il-każ huwa t-22 wieħed ta’ għasafar protetti midruba li ġabret BirdLife Malta mill-1 ta’ Settembru. Fost dawn l-għasafar, 12 kienu għasafar tal-priża, fosthom seqer tal-ħannieqa, spanjulett sekond, spanjulett u bies tar-reġina. Fl-aħħar ġimagħtejn biss, ġew salvati seba’ kuċċardi. Fil-mira tal-kaċċa illegali kien hemm ukoll speċi oħra fosthom ċewċewwa, kwakka, russett griż, agrett abjad, daqquqa tat-toppu, qerd in-naħal u gamiema.
Barra minn hekk, il-Pulizija kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex salvaw bosta għasafar oħra feruti tul l-istaġun tal-kaċċa li qed ikompli jolqot ħażin il-passa tal-għasafar fil-ħarifa. BirdLife Malta twissi li l-għasafar tal-priża huma speċjalment vulnerabbli peress li jfittxu s-siġar biex jorqdu u b’hekk jispiċċaw faċilment fil-mira tal-kaċċa illegali.
Il-kaċċa qrib l-iskejjel mhux biss tipperikola l-annimali selvaġġi, iżda tpoġġi wkoll lit-tfal f’riskju. BirdLife Malta qed tappella biex zoni sa 200 metru madwar l-iskejjel kollha, jiġu ddikjarati bħala santwarji għall-għasafar – miżura li tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-kaċċa illegali f’dawn iz-zoni.
“L-iskejjel għandhom ikunu postijiet fejn l-istudenti jistgħu jitgħallmu japprezzaw aktar in-natura u mhux postijiet fejn speċi protetti bil-liġi, jinqatlu barra l-iskola tagħhom,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta
Mark Sultana. “Aħna bgħatna din il-proposta lill-Kumitat Ornis u m’aħniex nistennew li jkun hemm oppożizzjoni mill-membri votanti.