Lokali

Ħames barranin arrestati b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni ta’ droga

Skont informazzjoni tal-Pulizija jidher li l-persuni huma allegatament involuti fi grupp ta' kriminalità organizzata

Il-Pulizija se tressaq ħames barranin l-Qorti wara li arrestat dawn il-persuni waqt operazzjoni b’rabta ma’ importazzjoni u traffikar tad-droga f’Malta.

Mara ta’ 22 sena u raġel ta’ 36 sena mis-Serbja, raġel ta’ 34 sena mill-Kroazja, raġel ta’ 54 sena mill-Maċedonja u Taljan ta’ 37 sena ġew arrestati fl-aħħar sigħat wara li l-Pulizija wettqet operazzjoni b’rabta ma’ importazzjoni u traffikar tad-doga.

Skont informazzjoni ppubblikata mill-Pulizija, jirriżulta li fl-aħħar ġimgħat twettqet investigazzjoni u osservazzjoni mill-Intelligence-Led-Policing fejn ġew identifikati l-persuni li allegatament huma involuti fi grupp ta’ kriminalità organizzata.

Huwa għalhekk li l-Ħadd, il-Pulizija ċċirkondaw vettura f’Ħaż-Żabbar, fejn instabu seba’ kilogrammi ta’ kokaina. Wara, l-investigazzjonijiet komplew f’residenza fl-istess lokalità.

Kien hawnhekk li nstabu aktar sustanza ta’ droga fosthom, sitt kilogrammi ħaxixa tal-kannabis. Instabu wkoll armi tan-nar, munizzjon, magna li tgħodd il-flus, ammont sostanzjali ta’ flus kontanti, apparat relatat ma’ traffikar tad-droga u numru ta’ dokumenti ffalsifikati, fost oħrajn.

L-akkużati se jitressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia.