Lokali

“Il-Gvern għandu jieqaf jintimida lill-attivisti li jiġġieldu l-korruzzjoni” – Repubblika

Repubblika qalet li qed tesprimi d-dispjaċir tagħha għar-rimarki kaettivi tal-Prim Ministru Robert Abela li żied mat-theddida reali lill-Avukat Jason Azzopardi. Jason Azzopardi ngħata mill-Pulizija miżuri bażiċi ħafna ta’ sigurtà minħabba li fil-fehma tal-Pulizija teżisti theddida reali għall-ħajja u s-sigurtà tiegħu.

Din it-theddida lil Jason Azzopardi ngħatatlu minħabba x-xogħol li jagħmel kontra l-korruzzjoni. Wara l-kelliem tal-Partit Laburista Emmanuel Cuschieri, il-Prim Ministru Robert Abela żżuffjetta bir-riskju għas-sigurtà ta’ Jason Azzopardi u, agħar minhekk, issuġġerixxa li Jason Azzopardi ngħata xi privileġġ, xi rigal li ta’ min jgħir għalih u li ħadu bħala xi premju mhux mistħoqq għax il-Pulizija beżgħet mill-kritika tiegħu.

F’demokrazija l-gvern għandu d-dmir jipproteġi lil dawk li jikkritikawh. Il-gvern iżda qed jagħmel l-oppost, qed ikun hu li jżid l-intimidazzjoni u jxewwex il-mibegħda tan-nies kontra l-attivisti tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu l-korruzzjoni.

Din hi l-atmosfera li inkjesta pubblika ddeskriviet u ddokumentat meta sabet lill-gvern responsabbli għall-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia. Repubblika qalet li fid-dawl ta’ dan kollu qed tesprimi solidarjetà sħiħa ma’ Jason Azzopardi.