Kunsilli Lokali Parlament

Il-Parlament isellem lil Karl Gouder; persuna u politiku li dejjem fittex li jgħaqqad flok jifred

Il-Parlament illum sellem lill-Eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder b’mod uffiċjali b’diskorsi tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li ddeskriva lil Karl Gouder bħala persuna u politiku li dejjem fittex li jgħaqqad flok jifred.

Għal din it-tfkira uffiċjali fil-Parlament Malti attendew il-qraba tal-Eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder u kien stampat l-ewwel diskors li għamel Karl Goduer fil-Parlament.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech qal li dan hu l-akbar diskors ta’ kondjolanzi li qed jagħmel fl-aħħar erba’ snin u sostna li t-telfa ta’ Karl kienet iebsa iktar minn tal-ġenituri tiegħu għaliex ġiet b’ħasda. Karl kien ħabib kollega u pilastru li semma’ leħnu u kien lesti li jibqa’ jservi fil-politika.

Meta l-Parlament isellem l-memorja ta’ eks deputati kollegi bħalma ma qed isir fir-rigward ta’ Karl Gouder, dan isir mhux biss b’sens ta’ dover imma b’sens ta’ diqa kbira. Kull deputat jiftakar lil Karl Gouder u għall-PN, Karl se jibqa’ mfakkar b’għożża bħala persuna li għal snin twal ħadem fiċ-ċentru tal-PN, sostna l-Kap tal-PN.
Karl Gouder okkupa karigi differenti minn meta kien fil-kamp studentesk għal dak żagħżugħ, fil-livell tal-komunità fejn jgħix u mbagħad fil-qasam politiku bħala Sindku ta’ San Ġiljan, bħala Membru Parlamentari u Shadow Minister, bħala s-COO ta’ Medialink b’responsabbiltà għal Net TV u NET FM, u bħala Campaign Manager għall-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew u għall-kunsilli lokali. Hu kien ippreparat sew għall-isfida li jservi bħala Segretarju Ġenerali tal-PN.

Il-Kap tal-PN sostna li l-mewt traġika tiegħu xxukkjat lil kulħadd u mhux biss hi telfa kbira, imma vojt kbir wara l-ħasda tiegħu minn din il-ħajja.

Il-kondoljanzi jagħmlu sens jekk illum inħarsu lejn uħud mill-kwalitajiet tiegħu u nwegħduh li l-memorja tiegħu se tibqa’ ħajja fina billi nispiraw ruħna minn dawn il-kwalitajiet, sostna Bernard Grech, li kompla li l-kwalità li l-aktar kienet tispikka fih kienet it-tbissima tiegħu – dejjem lest biex ikun ta’ servizz għal ħaddieħor mingħajr ma jħares lejh innifsu. Ma kienx jiġri warajna għal xi kariga jew oħra. Il-ġiri konna nagħmluh aħna u hu dejjem offra li jkun hemm biex jagħti l-parti tiegħu bl-enerġija kollha li kien iġorr għal kull kariga li okkupa, sostna Bernard Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li ma’ din il-kwalità trid tiżdied ukoll dik tal-irġulija u l-onestà tiegħu. Karl kien bniedem li tista’ tafdah b’għajnejk magħluqa għax taf li kulma qed jagħmel qed jagħmlu minn qalbu, biex ikun ta’servizz ġenwin u sinċier.

Karl Gouder kellu mbagħad sens ta’ għaqda. Dejjem fittex li jgħaqqad u mhux li jifred. Dan kien kapaċi jagħmlu b’sens ta’ ġentilezza, billi jiġbed nies differenti lejh, mingħajr ma jissagrifika b’xi mod il-valuri jew sens ta’ lealtà li dejjem wera. Il-fatt li ż-żewġ naħat ta’ din in-Kamra, iż-żewġ partiti, is-soċjetà ċivili kollha taw u qed ikomplu jagħtuh l-akbar rispett u qima, huwa l-akbar xhieda ta’ din il-kwalità. Ta l-akbar prova li tista’ taħdem bla heda għal dak li temmen fih, takkwista r-riżultati li tkun trid – u li tagħmel dan kollu mingħajr ma tweġġa’ b’xi mod lil ħaddieħor, sostna l-Kap tal-PN.

Karl Gouder kien ukoll bniedem sportiv, ma jaqtax qalbu, b’sens ta’ determinazzjoni u b’ħarstu ‘l quddiem.
Kwalità oħra li trid tibqa’ tispirana kienet l-umiltà sinċiera tiegħu – għalih kull persuna li ħadem magħha, b’mod partikolari l-ħaddiema u kull min kellu bżonn xi parir mingħandu jew l-għajnuna tiegħu, kienu ugwali. Kien isib ħin għal kulħadd u kien kapaċi jisma’ lil kulħadd, sostna l-Kap tal-PN Bernard Grech.

“Karl, ippermettilna nwegħduk li se nagħmlu kulma nistgħu biex insegwu l-eżempji tiegħek, l-eżempji li jżommu mhux biss ħajja l-memorja tiegħek fina, imma li jagħtu sinifikat reali lejn dik il-memorja”, qal Bernard Grech waqt li ta l-kondoljanzi lill-ġenituri tiegħu, Francis u Simone, lill-familjari, qraba oħra, ħbieb u lil kull min kellu x-xorti jesperjenza l-kobor tiegħu f’kull sens tal-kelma.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu kien jattendi l-Kulleġġ San Alwiġi flimkien ma’ Karl Gouder u ddeskriva lil Karl bħala bniedem b’sens ta’ ferħ u karatturu partikolari li baqa’ miegħu mill-iskola sa meta kien fil-Parlament.

Il-Prim Ministru qal li Karl kellu sens ta’ ħbiberija li ssuperat il-politika. Nemmnu fi stil ta’ politika li hu simili għal dik li ta Karl, fejn ikunu diskussi t-temi bla kliem ta’ konfront. Karl kien jiddibatti l-argument u mhux il-persuna b’sens ta’ kordjalità, sostna l-Prim Ministru.

Robert Abela qal li l-messaġġ li kien jirrappreżenta Karl inħass fil-funeral tiegħu fejn kien hemm sentimenti simili għall-funeral ta’ Jake Vella; b’folla kbira li rrikonoxxiet li l-persuni ma ġabux firda iżda sens ta’ għaqda biss fis-soċjetà. Hu sostna li Karl ħalla din id-dinja u poġġa fuq id-deputati responsabbiltà dwar kif għandhom iġbu ruħhom fis-soċjetà.

Il-Prim Ministru tkellem dwar is-saħħa mentali u qal li l-pajjiż fadallu ħafna x’jagħmel b’iktar investiment fis-saħħa mentali. Karl għamel ġieħ lill-Parlament u lis-soċjetà, temm il-Prim Ministru Robert Abela.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li meta ltaqa’ ma’ Karl Gouder fl-2011 kien fuq żjara parlamentari f’Georgia. Karl Gouder kien altruwista żżejjed; kien bniedem li bilfors kont tħobbu, sostna l-Ispeaker Anġlu Farrugia.