Lokali

Il-poplu jistħoqqlu jkun jaf dak li jipprova jostor il-Gvern – PN

Il-PN jinsisti dwar in-nuqqasijiet li sab il-bord tal-inkjesta dwar il-mewt ta’ Stephen Mangion

Il-Bord tal-Inkjesta Ministerjali sab bosta nuqqasijiet u dgħufijiet fis-sistema tas-saħħa, iżda l-Ministru naqas li jispjega u jfiehem dan, u minflok ħareġ stqarrija ta’ żewġ paragrafi fejn qal li “ħadd ma kien responsabbli għall-mewta tiegħu” u li l-Bord “għamel xi rakkomandazzjonijiet”.

B’dik l-istqarrija xotta, il-Gvern ried jagħti x’tifhem li kollox ward u żahar fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.

Dak li m’għamlux il-Gvern u l-Ministru tas-Saħħa wara ġimgħa sħiħa, obbligati li nagħmluh aħna llum.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia elenka għadd ta’ nuqqasijiet li identifika l-Bord tal-Inkjesta, fosthom:

Li bħalissa, persuna li jkun ‘high risk’ jitteħidlu biss ECG fejn indikat. F’dan il-punt jeħtieġ li jkun hemm professjonist li kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet u jibda l-investigazzjonijiet waqt li l-pazjent ikun għadu qed jistenna;

Li d-diviżjoni tal-Ambulanzi u tal-Emerġenza diġà huma mgħobbijin b’ħafna xogħol. Jeħtieġ jiżdiedu l-infermiera u titwaqqaf ukoll sezzjoni ta’ infermiera tal-ambulanzi biex jonqos il-ħin ta’ stennija;

Li hemm nuqqas ta’ kontinwità bejn il-Kura tas-Saħħa Primarja tal-lokalità u l-isptar Mater Dei, u anke bejn id-dipartimenti. Hemm bżonn ta’ sistema ta’ dokumentazzjoni li tkun standard għall-professjonisti kollha;

Li bħalissa fil-Kura Primarja m’hemmx servizz ta’ testijiet tad-demm. Għandu jitwaqqaf Point of Care f’kull klinika jew berġa biex tgħin tiddetermina l-gravità tal-kundizzjoni tal-pazjent kemm jista’ jkun malajr;

Li fil-każ ta’ Stephen Mangion, il-pazjent seta’ bbenefika minn aktar assessjar tal-istat ċirkulatorju b’monitoraġġ tal-parametri u sinjali oħra kliniċi. Setgħu kienu kkunsidrati wkoll miżuri għal kontra l-uġigħ u trattament biex titnaqqaslu l-pressjoni. Il-fatt li ma kienx hemm sodda ma kellux iwassal biex il-pazjent ma jsirulux l-ewwel testijiet u ma jingħatawlux l-ewwel trattamenti;

Li jeħtieġ jittieħdu miżuri biex il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Emerġenza jinżammu hemm. Dan billi jkun hemm titjib fl-ambjent tal-post tax-xogħol kif ukoll permezz ta’ family friendly measures;

Li bis-sistema kif inhi, pazjent li jkun lest mid-Dipartiment tal-Emerġenza u jrid jiġi trasferit f’sala, qed jitħalla jistenna fl-Emerġenza. B’hekk qed tinħoloq konġestjoni bla bżonn filwaqt li qed jitwal il-ħin ta’ stennija fl-Emerġenza. Il-Bord irrakkomanda li tinfetaħ zona oħra fejn dawn il-pazjenti jkunu jistgħu jistennew sakemm tinstabilhom sala. Din iz-zona m’għandhiex tkun responsabbiltà tal-ħaddiema tal-Emerġenza;

Li l-Bord innota li għalkemm kull Ċentru tal-Kura Primarja għandu magna tal-ECG, din tintuża biss bl-appuntament, u l-bqija tal-ħin tkun imsakkra f’kamra. Il-Bord irrakkomanda li l-ħaddiema f’dawn iċ-ċentri jkollhom aċċess għal dawn il-magni f’kull ħin.

Dawn in-nuqqasijiet kollha huma riżultat ta’ Gvern li ma jiħux is-saħħa tal-poplu Malti bis-serjetà u li minflok jinvesti, iberbaq bla pjan u ħsieb.

Il-ħaddiema tas-saħħa qed jagħmlu dak kollu li jistgħu bir-riżorsi li għandhom, imma ma jistgħux jagħmlu mirakli biex ipattu għall-inkompetenza tal-Gvern.

Issa jrid ikun il-Gvern li jibda jieħu s-servizz tas-saħħa bis-serjetà u jara li jimplimenta immedjatament ir-rakkomandazzjonijiet kollha li għamillu l-Bord. Irridu nkunu nafu meta u kif. Hekk titlob it-trasparenza.

Il-Partit Nazzjonalista se  jibqa’ jkun il-vuċi tal-verità.

L-interess tagħna hu biss it-titjib li nistgħu niksbu għall-kura u s-saħħa tal-pazjent.