Lokali

Il-Pulizija jridu jagħtu numru ta’ ċitazzjonijiet kull xahar

Hija l-ewwel darba li kellna sitwazzjoni fejn ufficjal tal-Pulizija, taħt ġurament, spiċċa ammetta li hemm kwota ta’ kemm jingħataw ċitazzjonijiet kull xahar bħala minimu.

Il-fatt kien ilu magħruf. Iżda qatt ma kien konfermat. Anzi, kemm-il darba intqal li dan mhux minnu.

Iżda issa….fil-Qorti….kien hemm il-konferma li teżisti din it-tip ta’ pressjoni fuq kull Pulizija biex joħroġ iċ-ċitazzjonijiet. Bil-kwota mhux uffiċjali tkun ta’ 10 ċitazzjonijiet kull xahar – għalkemm f’Distretti bħal San Ġiljan, in-numru huwa akbar.

Dan kollu ħareġ mix-xhieda tal-kuntistabbli Clive Mallia, meta kien qed iwieġeb domandi dwar il-każ li seħħ fil-Ħamrun; propju għaliex il-Pulizija kienu se joħorġu ċitazzjoni.

Meta mistosi mill-avukat Franco Debono, Mallia l-ewwel qal li mhemm xejn uffiċjali dwar din il-kwota taċ-ċitazzjonijiet. B’uħud fl-awla jinfaqgħu jidħku – tant li kellha tintervjeni l-Maġistrat Monica Vella.

Imbgħad, meta pressat jgħid jekk hemmx kwoti fuq it-tickets li jinħarġu, il-kuntistabbli ammetta li din hija bħal regola mhux uffiċjali. Għaliex mhemm xejn bil-miktub. Dan filwaqt illi insista li meta ħareġ iċ-ċitazzjoni fil-każ tal-Ħamrun…kien diġa’ qabeż il-kwota tiegħu.

S’issa għadu mhux ċar jekk l-uffiċjali tal-LESA għandhomx l-istess tip ta’ kwoti għaċ-ċitazzjonijiet. Iżda li hu żgur hu, li din is-sistema qed titħaddem mill-membri tal-Korp tal-Pulizija– anke jekk mhux b’mod uffiċjali.